“Ejjew niddiskutu, imma x-xogħol irid jieqaf”
Residenti u bdiewa minn Ħad Dingli flimkien ma’ għadd ta’ attivisti mill- Moviment Graffiti qed jistennew li Fredrick Azzopardi, Kap Eżekettiv ta’ Infrastructure Malta u Ian Borg, Ministru responsabbli mit-toroq jiltaqgħu magħhom u jiddiskutu l-pjan għal triq li l-aġenżija u l-Ministru beħsiebhom jgħaddu fil-lokalità.
Graffiti sejħu konferenza tal-aħbarijet wara li ftit tal-jiem ilu daħlu inġenji kbar f’zona agrikola u bdew iqaċċtu siġar u jagħmlu sfreġju mingħajr ma ħadd kien avżat li kienu se jsiru xi xogħolijiet. Jidher li Infrastructure Malta trid tgħaddi din it-triq minn żona li fiha fost l-oħrajn għadd ta’ siġar tal-ħarrub li għandhom mijiet tas-snin.

Residenti Dinglin qalu li huma ngħataw diversi skużi għalfejn jeħtieġ li tgħaddi t-triq. L-ewwel intqal li għax ma jgħaddux is-servizzi tal-emerġenza… imbagħad għax kienet skemata… imbagħad li r-residenti jriduha. U dan minkejja li din it-triq la hemm pjanti uffiċjali għaliha, u wisq anqas permessi.

L-attivisti insistew li jridu jiltaqgħu ma’ Fredrick Azzopardi u Ian Borg…sabiex tkun magħrufa r-raġuni vera għalfejn trid tgħaddi triq minn żona li hija barra miż-żona ta’ żvilupp.
