Lokali Qorti

Erba’ Diretturi lliberati b’rabta mal-każ tal-inċident tad-‘double decker’ fiż-Żurrieq tliet snin ilu

Il-Qorti lliberat lil erba’ Diretturi ta’ kumpanija li fis-26 ta’ Frar li għadda bdew proċeduri fil-Qorti mixlijin bi qtil involontarju ta’ żewġ turisti f’inċident li kien seħħ permezz ta’ ‘double decker’ fejn dan laqat siġra fiż-Zurrieq.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud li ppresieda l-każ qal li ma rriżultawx raġunijiet biżżejjed sabiex l-aħwa Lee Anne Borg, Kim Degabriele, Noel Degabriele u Philip Degabriele jitpoġġew taħt att ta’ akkuża, għaliex mhemmx provie prima facie li jindikaw li kien hemm xi kondotta volontarja negliġenti minn naħa tagħhom.

Madankollu fil-konfront ta’ Charles D’Amato, ix-xufier li kien qed isuq id-‘double decker’ il-Qorti qalet li hemm raġuninjiet biżżejjed biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża u għalhekk il-każ tiegħu għandu jkompli għaddej.

Il-vittmi f’dan l-inċident kienu mara Spanjola u Belġjan, li kien seħħ fid-9 ta’ April tal-2018 fejn il-karozza tat-turisti kienet laqtet zokk ta’ siġra. Fil-konfront ta’ Lee Ann Borg 37 sena, residenti l-Mellieħa, Kim Degabriele ta’ 40 sena, Noel Degabriele ta’ 24 u Philip Degabriele 32 sena, kollha residenti Ħal Luqa.

Huma jiġġestixxu l-kumpanija City Sightseeing Malta Limited, il-Qorti qalet li ma kien hemm ebda imprudenza, negliġenza jew traskuraġni konsistenti fin-nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet.

Il-proċeduri bdew jinstemgħu quddiem Mifsud fejn il-ħames persuni kienu tressqu b’ċitazzjoni mill-Ispettur Janetta Grixti fuq qtil involontarju ta’ Elisaveta Danielova Avdala u Koenraad Richard B De Vrieze.

Huma kienu mixlija wkoll talli kkaġunaw feriti gravi fuq it-turisti Carla Castillo, Simon Morrison, Suzanne Handerson, Michael Handerson, Robert Butt, Karam Raj Singh, Raydeep Singh u Angela Gashstatter.

Kienu akkużati wkoll li kkaġunaw feriti ħfief fuq 13-il turist u li kkaġunaw ħsara fuq id-double-decker. D’Amato, li l-każ tiegħu se jkompli għaddej qed jiġi mixli fuq sewqan perikoluż u traskurat u li ma kienx f’pożizzjoni li jsuq minħabba xorb jew droga u talli naqas li jissalvagwardja s-saħħa tiegħu u ta’ ħaddieħor.

L-erba’ Diretturi mixlijin ukoll talli naqsu li jiżguraw is-saħħa ta’ ħaddieror u l-miżurin essenzjali, li naqsu li jipprovdu superviżjoni u tagħlim meħtieġ biex iħarsu s-saħħa u li naqsu li jinfurmaw lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bl-impieg tax-xufier. L-Avukati ta’ D’Amato huma Franco Debono u Amadeus Cachia filwaqt li Shazoo Ghaznavi se jidher għall-erba’ Diretturi.

Minbarra ż-żewġ turisti li nqatlu, sitt oħra kienu ndarbu b’mod kritiku, u 44 ġew ittrattati meta karozza tal-linja tat-turisti double-decker laqtet fergħat tas-siġar baxxi fi Triq il-Belt Valletta, Żurrieq.

Ir-raġel Belġjan ta’ 62 sena u mara Spanjola ta’ 37 sena kienu mietu fuq il-post u fost il-midruba kien hemm 12-il tifel u tifla. Flotta ta’ 10 ambulanzi kienet intbagħtet fuq il-post. Madwar 50 persuna kienu ngħataw trattament mediku. 19 fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid u l-bqija fl-Isptar Mater Dei.

Ħafna mill-ġrieħi li sofrew kienu fir-ras u fil-parti ta’ fuq tal-ġisem.
Raġel Skoċċiż, kien kważi miet fil-ħabta u kienet ħarġet il-frustrazzjoni tiegħu dwar is-silenzju sħiħ mill-awtoritajiet Maltin dwar l-investigazzjonijiet.

“Jien diżappuntat ħafna. Żewġ persuni mietu u kelli erba ‘membri mill-familja tiegħi li assistew għal dan l-inċident makabru. Madankollu, jidher li dan il-każ intesa, ”qal Simon Morrison meta kien tkellem ma’ ġurnali lokali u barranin.

Ir-raġel ta ’42 sena minn Aberdeen, minn Middlefield Wasps kien qatta’ erba ’ġimgħat f’koma wara li sofra ġrieħi gravi f’rasu meta tal-linja ‘hop-on hop’-off laqat siġra fiż-Żurrieq. Mara Spanjola u r-raġel Belġjan li miet kienu bilqiegħda ftit ċentimetri ‘l bogħod minnu.

Filwaqt li jqis lilu nnifsu bħala xxurtjat li għadu ħaj u se jkun dejjem grat għall-istaff ta ’l-Isptar Mater Dei fejn għamel operazzjoni urġenti biex jikkura ferita f’rasu miftuħa, Morrison kien qal li l-ħajja qatt ma kienet l-istess minn dak inhar ‘l hawn.

“Qed nissielet bi problemi ta’ mobbiltà u, xi drabi, inħossni konfuż u sturdut bħala riżultat tal-korriment gravi fir-ras li sofrejt. Għandi niddependi fuq il-familja tiegħi anke għal affarijiet sempliċi bħax-xiri u ma stajtx nerġa ‘lura għax-xogħol,” huwa qal.

Akkumpanjat minn erba ’membri tal-familja, Morrison kien ilu Malta għal ftit sigħat biss meta ddeċieda li jieħu l-bus turistiku hop-on hop-off biex jieħu l-ewwel idea tal-gżejjer Maltin fl-ewwel jum tal-vaganza tagħhom. Huwa kien qal li ftit li xejn ingħata informazzjoni mill-awtoritajiet Maltin.

“L-uniku feedback li sibt s’issa kien meta kont staqsejt personalment lill-korp tal-Pulizija Malti bl-e-mail dwar l-aħħar żviluppi u r-risposta li sibt kienet li l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin u li inkjesti dwar każijiet serji bħal dawn ma setgħux isiru bl-għaġġla.”