Lokali Qorti

Erba’ rġiel mill-Ġorġja jinżammu arrestati fuq serq ta’ flus u ġojjelli minn residenzi

Erba’ rġiel mill-Ġorġja tressqu l-Qorti u ntbagħat l-ħabs wara li kienu mixlija b’serqiet ta’ portata kbira minn diversi residenzi f’Malta fix-xahar ta’ Marzu. Ma saret l-ebda talba għal libertà proviżorja tal-akkużati.

Allegatament l-irġiel jagħmlu parti minn gang li ġejjin mill-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa li jagħmlu parti minn ċirku kriminali u li xogħolhom hu li jisriqu oġġetti ta’ valur bħal flus kontanti u ġojjelli.

Zaza Sasania ta’ 49 sena, Luka Mikadze ta’ 44 sena, Zurabi Ratiani ta’ 42 sena u Tengizi Giorgadze ta’ 39 sena, kollha residenti San Pawl il-Baħar ġew mixlija li fis-17 ta’ Marzu, f’Birkirkara serqu flus u ġojjelli li l-valur huwa ta’ anqas minn €2,333 u li għamlu ħsara fil-bieb u fl-alarm ta’ ftit anqas minn €250.

Huwa ġew mixlija wkoll li l-għada 18 ta’ Marzu minn residenza fil-Mosta serqu wkoll flus u ġojjelli, li l-valur tiegħu jaqbeż l-€2,333 u li għamlu ħsara f’bieb tal-injam u ħsarat oħra li ma taqbiżx l-€2,500. L-irġiel kienu mixlija li fid-19 ta’ Marzu, mill-Mellieħa serqu oġġetti li jaqbżu l-€2,333. 

Huwa ġew mixlija wkoll li assoċċjaw ruħhom ma’ persuni f’Malta u barra minn Malta biex iwettqu reat u li laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa.  Sadanittant Sasania, Ratiani u Giorgadze ġew mixlija li fit-12 ta’ Marzu serqu flus, ġojjelli u oġġetti oħra minn appartament f’San Ġwann, li l-valur b’kollox huwa taħt l-€2,333 u li għamlu ħsara mal-bieb ta’ anqas minn €250.

It-tlieta kienu mixlija wkoll li mill-Manikata serqu flus u ġojjelli li l-valur tagħhom huwa ta’ aktar minn €2,333 u li fis-6 ta’ Marzu minn tas-Sliema serqu fwieħa minn residenza. Giorgadze waħdu ġie mixli wkoll b’falsifikazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan.

Ma saritx talba għal ħelsien mill-arrest tal-akkużati fejn l-Avukat Maria Carson deheret għal Sasania filwaqt li l-Avukat Noel Bianco deher għat-tlieta l-oħra.