3:00pm – Id-deċiżjoni fuq il-ħelsien mill-arrest se tingħata għada qabel tinstema l-kawża ta’ Keith Schembri. Għada fit-8:30am.
2:50pm – Ikomplu l-botti u r-risposti bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża. Jista’ jkun li minn hawn u ftit ieħor ikollna deċiżjoni dwar il-futur ta’ Lorraine Falzon u Matthew Pace.
2:46pm – L-avukati tad-difiża qed jisħqu li jekk kull meta l-istatus persuna jinbidel minn suspettata għal akkużata ma jistax ikun li tispiċċa l-ħabs. “Mhux ovja li jinbidel l-istatus” qed jgħid l-avukat b’leħen għoli. “X’jiġifieri ma tagħtix bail għax qed jinbidel l-istatus?” Huma qed jgħidu li ma tistax iżżom lil xi ħadd arrestat għax qed ikun investigat. “Il-Qorti u l-Avukati difiża x’kontroll għandhom fuq l-investigazzjoni?”
2:44pm – Il-prosekuzzjoni għamlet aċċen għall-fat li fadal aktar xhieda u anke li l-persuni imsemmija issa huma akkużati u mhux biss investigati. L-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni hija li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.
2:41pm – Il-prosekuzzjoni qed tgħid li minkejja li l-każ beda numru ta’ snin ilu, l-imputati ilhom jonqsu mid-dmirijiet tagħhom għal numru ta’ snin, fuq każi li baqa’ għaddej sal-2020.
2:39pm – Qed jagħmlu l-argumenti tagħhom il-prosekuzzjoni għalfejn ma jaqblux li għandhom jinħelsu mill-arrest Falzon u Pace. Il-prosekuzzjoni tgħid li kollox għadu fi stadju bikri u l-akkużi huma ta’ natura gravi.
2:36pm – L-Avukati tad-difiża qed jgħidu li kollox mexa b’faċilità s’issa għal tul ta’ żmien u saqsew x’differenza tagħmel jekk ikunu d-dar tagħhom jew il-ħabs sal-bidu tal-ġimgħa d-dieħla meta jerġgħu jkunu l-Qorti biex tkompli l-kumpilazzjoni.
2:34pm – L-Avukati tad-difiża qed ikomplu jsostnu li m’hemmx riskju li dawn il-persuni jaħarbu mill-pajjiż għaliex għandhom kollox hawn Malta, dejjem ikkoperaw mal-pulizija, ipparteċipaw fil-proċess tal-investigazzjoni dejjem fuq każ li ilu għaddej snin.
2:30pm – L-Avukati tad-difiża qed jgħidu biex ninsew l-isem ta’ Keith Schembri momentarjament u saqsew hux ġust li fuq ix-xhieda li smajna llum, l-Ispettur għandu diffikultà biex jispjega għalfejn qegħdin il-ħabs Falzon u Pace.
2:28pm – L-Avukati qed jgħidu li l-Ispettur Camilleri kellu rwol kbir fl-investigazzjoni u issa qed isibu diffikultà biex jifmhu eżattament x’inhuma l-akkużi fil-konfront ta’ Lorraine Falzon u Matthew Pace. Mhux jifmhu għalfejn ħarġu l-akkużi u għalfejn bħalissa qegħdin il-ħabs.
2:25pm – L-Avukati tad-difiża qed jerġgħu jagħmlu l-argumenti tagħhom għalfejn jaħsbu li għandhom jinħelsu mill-arrest Lorraine Falzon u Matthew Pace.
2:23pm – Tintemm ix-xhieda tal-Ispettur Bonello.
2:22pm – Falzon kienet naqset biex tagħti ċertu statements lill-pulizija fil-ħin.
2:18pm – L-Ispettur tikkonferma li meta Keith Schembri ssemma fil-Panama Papers ma sarux iktar checks ta’ Due-Dilligence fuqu. Fost l-oħrajn Zennith niżżlu li l-Iżvizzera kien pajjiż sigur f’dak li għandu x’jaqsm qasam finanzjarju u li kienet fl-UE meta mhux il-każ spjegat l-Ispettur. Dan ix-xogħol jew nuqqas ta’ xogħol jidher li sar minn Lorraine Falzon.
2:15pm – Tkompli x-xhieda. Tixhed issa l-Ispettur Leanne Bonello.
2:00pm – Is-seduta sospiża għal 10 minuti.
1:55pm – Jidher li l-profil ta’ Keith Schembri ma’ Zennith itella’ minn medium risk għal high risk appena sar Chief of Staff f’Kastilja kif inhi l-proċedura tad-Due-Dilligence. Dan iwassal biex l-profil suppost ikun iċċekjat b’mod aktar regolari.
1:53pm – Ma teżistiex informazzjoni għand l-Ispettur li r-relazzjoni ta’ Keith Schembri ma’ Zennith intemmet u sa fejn jaf l-ispettur din ir-relazzjoni għadha hemmek sal-lum wara ħafna snin.
1:45pm – L-Avukati qed jgħidu li-dokumenti li kien jikteb Matthew Pace, kien jiffirmhom Brian Tonna bħala Awditur u jibgħatom lura. Huma staqsew x’għamlet ħażin f’dan il-proċess Lorraine Falzon. L-Ispettur qed jgħid li għaddiet transazzjoni u xahrejn wara ħarġu dokumentazzjoni tagħha u Lorraine Falzon irċeviet dokumentazzjoni tard. L-Avukati qed jistaqsu jekk dan jissejjaħx ħasil ta’ flus. L-Ispettur saħaq li dan ifisser li ffaċilitat ħasil ta’ flus.
1:40pm – L-ispettur jgħid li hu ħadem fuq dak li l-esperti sabu bħala nuqqasijiet. L-Avukati ta’ Lorraine Falzon qed jitolbu li jaraw id-dokumentazzjoni kollha li turi n-nuqqasijiet tal-klijenti tagħhom.
1:37pm – L-avukati difensuri qed isaqsu x’differenza sabu bejn Falzon u d-diretturi l-oħrajn ta’ Zenith biex Lorraine Falzon tinsab akkużata u l-oħrajn le. L-Ispettur jgħid li għax hi kienet tieħu ħsieb il-compliance ukoll.
1:35pm – L-avukati qed isaqsu fejn naqset Lorraine Pace għaliex ma jidrilhomx li hi naqqset minn xogħolha. Il-pulizija qed jgħidu li d-dokumenti li kien idaħħal Matthew Pace kienu back-dated u għalhekk Falzon kellha tinduna. L-Avukati qed jargumentaw li l-Ispettur mhux jgħid x’irriżultalu imma x’jaħseb.
1:32pm – Apparti Direttur ta’ Zenith, Lorraine Falzon kienet tieħu ħsieb il-compliance tal-kumpanija.
1:30pm – Tajjeb wieħed jirrimarka li l-Avukati ta’ Lorraine Falzon u Matthew Pace huma l-istess avukati ta’ Keith Schembri. Filfatt waqt il-kontro-eżami qed jissemma kemm il-darba l-isem tal-eks chief of staff f’Kastilja.
1:26pm – L-avukati ta’ Falzon u Pace qed jargumentaw li r-regoli tal-Money-Laundering inbiddlu minn meta infettħu l-kontijiet ma’ Zenith u allura l-obbligi tagħhom qdewhom bħala kumpanija.
1:25pm – Tintemm ix-xhieda tal-Ispettur u jibda l-kontro-eżami.
1:23pm – L-aħħar stqarrija ta’ Lorraine Falzon ittieħdet ftit sigħat qabel hi tressqet għall-ewwel darba l-Qorti s-Sibt li għadda. Fejn l-avukati tagħha kienu argumentaw li ma kienx hemm biżżejjed provi biex hi titressaq akkużata.
1:21pm – Meta bdew ħerġin aħbarijiet dwar MFSP fil-media, ħareġ li l-kumpanija kienet għażlet li ma tweġibx l-allegazzjonijiet li kienu ħerġin fil-konfront tagħhom.
1:18pm – L-ispettur issa qed jispjega l-proċeduri li kienu jittieħdu fil-kumpanija MFSP li tagħha kienet direttur Lorraine Falzon. Meta mistoqsija fuq due-delligence ta’ Keith Schembri u Adrian Hillman fost l-oħrajn, Falzon kienet qalet li Pace kien l-istess Relationship Manager tagħhom.
1:14pm – Lorraine Falzon kienet mistoqsija mill-pulzija fit-18 ta’ Marzu tal-2021. Kienet ukoll tat xhieda quddiem Maġistrat lura f’Mejju u Ġunju tal-2017.
1:12pm – Matthew Pace kien viċin il-ftuħ tal-kontijiet ma’ MFSP ta’ Adrian Hillman u Keith Schembri.
1:11pm – Matthew Pace darba minnhom qal li la kellu żewġ klijenti li jikkonfermaw bejnithom li kellhom konsulenzi, jirreferi għal Keith Schembri u Adrian Hillman, kien diġa compliance biżżejjed. Kien oltre li qed jitlob lil Brian Tonna għal aktar dokumentazzjoni saħaq Pace mal-pulizija meta kien interrogat.
1:08pm – Tajjeb li wieħed jirrimarka li l-kumpanija MFSP illum għandha l-isem ta’ Zenith.
1:06pm – Matthew Pace ma kien qed jara xejn ħażin bejn Keith Schembri u Adrian Hillman. Kien Brian Tonna li rrefera lil Schembri bħala klijent ta’ MFST u sussegwentament Schembri għamel l-istess mal-persuni l-oħrajn.
1:02pm – L-ispettur qed jispjega li l-Maġistrat kienet ikkonkludiet li Matthew Pace u Lorraine Falzon kellhom biżżejjed reati biex joħorġu akkużi kontrihom fuq falsifikazzjoni u ħasil ta’ flus fost l-oħrajn.
1:00pm – L-Ispettur qed jgħid li fl-2018 Lorraine Falzon kienet tat xhieda tagħha fejn deher li Keith Schembri fetaħ kont fl-MFSP fl-2010. Wara, Schembri fetaħ il-kont tiegħu Adrian Hillman. Keith Schembri mill-kumpanija tiegħu Malmos u Olson, kellhom ukoll kont ma’ MFSP. Kif l-istess kellu Vincent Buhagiar.
12:58pm: Pace u Falzon qalu li ma kienu jaraw xejn ħażin fl-ittri li kienu jibgħatu lesti lil Brian Tonna għaliex hu kien jiffirma kollox bħala awditur filwaqt li anke jniżżel l-isem ta’ Nexia BT.
12:56pm: Ħareġ li Matthew Pace m’għamilx compliance, u qisuh bħala ‘Professional Money-Launderer.’ Dan filwaqt li ħadem ma’ Brian Tonna fil-manifattura ta’ dokumenti. Numru ta’ dokumenti saħahsittra ġew immanifatturati xahrejn wara li tkun saret it-tranżazzjoni.
12:55pm: L-ispettur jispjega li l-fondi li bdew jidħlu fil-kumpanija MFST kienu qed jiġi investiti. Jgħid illi kien hemm tliet kumpaniji involuti. Minn MFST irriżulta li Keith Schembri u Adrian Hillman kien klijent ta’ MFST. Deher li huma rċevew fondi.
12:51pm – Jibda jixhed l-Ispettur Camilleri. Jgħid li f’Marzu ta’ din is-sena ġew assenjati fuq l-Operazzjoni MH wara li intemmet l-Inkjesta li kien fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
12:43pm – Jidħlu fl-Awla Lorraine Falzon kienet Direttur ta’ MFST u Matthew Pace kien ukoll Direttur, kien ukoll il-peruna inkarigat li jagħti pariri finanzjarji, skortati minn gwardjani tal-ħabs. Għalihom u għall-Kumpanija Zenith qed jidhru l-Avukati Mark Vassallo u Edward Gatt.
12:36pm – Kollox jinsab lest biex tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Lorraine Falzon u Matthew Pace li kienu fit-tielet grupp tal-11-il persuna li tressqu l-Qorti s-Sibt li għadda. Tajjeb illi nfakkru li minn dawn il-11-il persuna, 10 intbgħatu l-ħabs ta’ Kordin. Dawn l-10 kollha għandhom talba għall-ħelsien mill-arrest pendenti.
12:03pm – Diskussjoni dwar l-ammont kbir ta’ dokumenti li hawn f’dawn il-kawżi, biex minflok kopja ta’ karti lil kulħadd, tingħata kopja diġitali.
12:01pm – Preżentata lill-Qorti l-Inkjesta li kien talab l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
11:55am – Il-Kawża ta’ Lorraine Falzon u Matthew Pace se tibda dalwaqt. It-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Brian Tonna. Karl Cini, Manuel Castagna u Katrin Bondin Carter se tinstema t-Tlieta li ġej.
11:51am – L-Avukati tad-difiża qed jitolbu għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati kollha.
11:48am – Il-kontro-eżami tal-ispettur mill-avukati tad-difiża ma jistgħux isiru llum minħabba ħin tas-seduta li jmiss. Jekk isir kontro-eżami issa, il-kawża li jmiss ikollha tiġi posposta. Għaddejja diskusjoni bħalissa dwar x’se jkun qed jiġri. Jidher li t-Tlieta li ġej se tingħata ġurnata għall-kontro-eżami.
11:47am – Keith Schembri fl-20 ta’ Marzu kien għażel li ma jwieġeb għal ebda mistoqsija għaliex kien saħaq li kien qed jara fil-media li seta’ jitressaq il-Qorti.
11:43am – S’issa ġew preżentati madwar 50 dokument b’rabta mal-interrogazzjoni tal-pulizija. L-aħħar stqarrijiet tal-akkużati saru ftit qabel saru l-arresti u ttieħdu l-qorti s-Sibt li għadda. Dan seħħ fl-20 ta’ Marzu, fl-ECU fil-Ħamrun. L-akkużati kienu talbu aktar żmien biex jippreparaw ir-risposti tagħhom.
11:37am – Castagna jgħid li ma kienx staqsa għalfejn kellhom dokumenti back-dated iżda fl-aħħar ftit jiem tal-investigazzjoni Castagna beda jagħti iktar dettalji lill-pulizija. Jidher li Castagna kien talab loan mill-Bank u għalih mar jitkellem kollega tiegħu minn Nexia BT u mhux hu personali. Kellu offerta mill-Bank Pilatus għal loan iżda għażel li jieħu loan ta’ madwar 400,00Eur mill-BOV.
11:33am – Mistennija tibda seduta oħra f’nofsinhar. Ix-xhieda tal-Ispettur wasslet biex tintemm hekk kif qed tispjega l-aħħar ftit ġranet xogħol tal-pulizija fl-ECU qabel saru l-arresti.
11:29am – Il-flus kienu jgħaddu minn għand Robert Zammit f’isem il-kumpanija Kasco, għal għand missier Schembri, qabel dan tal-aħħar jiddepożita f’kont f’isem Keith Schembri. Il-pulizija derilhom li din kienet xi tip ta’ paga iżda Schembri kien saħaq li missieru kien qed itih donazzjoni.
11:28am – Keith Schembri kien mitkellem mill-pulizija mill-ġdid fil-15 ta’ Marzu. Schembri kien qal li jħallas lil Nexia bħala awdituri biex jieħdu ħsieb kollox huma għax kien jafdahom b’għajnejh magħluqa u kien jagħmel dak kollu li jgħidulu huma.
11:25am – Mistoqsi dwar l-allegazzjoni fuq il-kumpanija Nexia BT, Castagna qal li meta staqsihom, Cini u Tonna kienu qalulu li ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin. Mistoqsi jek qattx ra xi ħaġa ħażina hu kien saħaq li qatt ma kien ra xejn ħażin. Il-pulizija jgħidu li Castagna ma kienx komdu jirrispondi. L-avukati kienu waqqfu lill-Pulizija milli jistaqsu aktar qabel kellmu lill-klijent tagħhom.
11:23am – Id-dettalji dwar Keith Schembri llum huma limitat ħafna għaliex Schembri mistenni jidher il-Qorti għada. L-Ispettur illum qed tiffoka l-iktar fuq Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna.
11:22am – Involuti f’dan d-deal żewġ kumpaniji offshore li kienu f’idejn Keith Schembri. Jgħid li għamel dan biex jiffranka rati ta’ taxxa.
11:20am – Hillman kien qal li riedu jikbru bħala kumpanija u kien ħareġ kwotazzjoni lil Schembri dwar x’tip ta’ magni kellhom bżonn. Huma kienu telgħu l-Financial Times ta’ Brussel biex jaraw x’magni kien hemm bżonn. Il-proċess biex jinxtraw dawn il-magni kienu awditjati.
11:19am – Kmieni fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, Keith Schembri kien mistoqsi mill-pulizija dwar id-deals tal-magni li xtraw Progress Press. Schembri kien saħaq li lil Hillman kien ilu jafu mill-2001 fejn nibtet ħbiberija bejnithom fejn anke Hillman kien jgħin lil Schembri f’diversi proġetti.
11:17am – Manuel Castagna kien għażel li ma jwieġeb għall-ebda domanda meta mistoqsi mill-pulizija fis-7 ta’ Marzu.
11:14am – Fis-7 ta’ Marzu 2021 ittieħdet stqarrija oħra ta’ Karl Cini fejn jintqal li kien sorpriż meta ngħata mandat fir-rigward tal-Inkjesta b’rabta ma’ Adrian Hillman.
11:11am – Meta mistoqsi dwar il-loan li Keith Schembri ta lil Brian Tonna u dwar il-kont li Schembri kellu fil-Bank Pilatus, Schembri kien qal li kien għadu kemm laħaq Chief of Staff. Fetaħ kont ukoll il-BNF biex ikun jista’ jxerred il-flus tiegħu. Schembri kien qal li għamel xahar jew xahrejn biex infetaħlu l-kont fil-Bank Pilatus, Schembri kien ċaħad li fetaħ il-kont biex isiru depożitu ta’ 100,000Eur li kellu jirċievi. Schembri jgħid li ma jiftakarx dettalji u jirreferi lill-pulizija biex jaraw id-dettalji li ħarġu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.
11:06am – Is-seduta tkompli. Tkompli tixhed l-Ispettur tal-Pulizija.
10:45am – Is-seduta sospiża għal 15-il minuta.
10:42am – L-Ispettur tgħid li meta Brian Tonna kien affaċjat bil-mandat dwar l-inkjesta ta’ Adrian Hillman, Tonna kien sorpriż għaliex qal li ma kellux x’jaqsam magħha.
10:40am – L-ispettur tikkonferma li Keith Schembri kellu kont fil-Bank Pilatus. Dettal li ħareġ meta l-ispettur spjegat kif Brian Tonna ħallas lura l-flus li kien taħ Schembri.
10:36am – Issir referenza għal żewġ loans ta’ 200,000Eur li ntalbu mill-imputati mill-Bank Pilatus.
10:30am – Is-seduta tal-lum issa ilha li bdiet madwar siegħa u nofs fejn għadha qed tixhed l-Ispettur Xuereb li qed tkompli tagħti dettalji dwar il-ħidma tal-pulizija fir-rigward ta’ interrogazzjonijiet. Bil-maġġorparti tal-ħidma fir-rigward ta’ mistoqsijiet mill-pulizija jidher li bdiet issir mill-bidu tal-2020 wara investigazzjoni interna li keient saret fuq Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u Katrin Bondin Carter.
10:26am – Jissemmew dokumenti li kienu saru fl-2016 u anke meetings li kienu saru fl-2013. Fosthom dokumenti back-dated b’erba snin.
10:23am – Mistoqsija mill-pulizija Caroline Dingli li kienet assistenta ta’ Brian Tonna, tgħid li saret taf bil-kumpanija Willerby mill-media. Rigward top-ups ta’ cash fil-paga kienet qalet li ma tiftakar xejn.
10:22am – Instabu dokumenti li fihom kien jissemma Keith Schembri.
10:21am – Katrin Bondin Carter kienet mistoqsija mill-pulizija jekk qatx rat xejn ħażin fid-dokumenti li kienu jgħidulha tagħmel il-partners tal-kumpanija. Hi kienet saħqet li hi qatt ma ffirmat xejn minn naħa tagħha.
10:15am – Marie Katrin Bondin Carter kienet mistoqsija mill-pulizija fi Frar tal-2021. Bondin Carter kienet wieġbet lill-pulizija fejn kienet stqarret li dejjem kienet tikkonsulta mal-partners tal-kumpanija. Meta mistoqsija għafejn kien hemm emendi fl-invoices, Bondin Carter tgħid li ma tiftakrx. Dokumenti li kienu krejati għall-Bank Pilatus, Bondin Carter kienet stqarret li kienet tagħmel kollox fuq ordni mill-partners. Hi kienet tobdi l-istruzzjonijiet ta’ dawk ta’ fuqha. Mistoqsija dwar il-cash top-up fil-pagi, Bondin Carter kienet stqarret li dan kellu x’jaqsam mal-leave iżda pressata biex tgħati iktar informazzjoni hi ma kienetx wieġbet.
10:10am – Fl-20 ta’ Diċembru komplew l-interrogazzjonijiet fuq Keith Schembri u Brian Tonna. Tonna kien mistoqsi dwar il-ħlas tal-ħaddiema ta’ Nexia li kienu jitħallsu anke cash. Tonna ma kienx wieġeb. Karl Cini kien mistoqsi dwar dan il-ħlas ta’ pagi f’cash fejn Cini għazel li ma jweġibx meta muri d-dokumenti li wrew kif kien qed isir il-ħlas tal-ħaddiema. Manuel Castagna kien muri l-istess dokumenti u l-istess bħal Tonna u Cini ma wieġeb għall-ebda mistoqsija tal-pulizija. Hawnhekk kienu ngħataw il-police bail.
10:08am – Ikomplu jingħataw aktar dettalji tal-interrogazzjonijiet fejn joħroġ li Manuel Castagna kien ukoll jagħżel li ma jwieġeb għall-ebda mistoqsija. L-istess kien jagħżel li jagħmel Karl Cini.
10:05am – L-Ispettur kemm -il darba tagħmel referenza li Brian Tonna kien jonqos milli jwieġeb tul-linterrogazzjoni.
10:01am – F’dokument partikolari fejn jissemmew Brian Tonna u Keith Schembri, instabu l-inizjali ta’ Keith Schembri. Meta mistoqsija dwar dan, Schembri u Tonna ma wieġbux.
9:57am – L-Ispettur stqarret li waqt ix-xhieda tiegħu, Brian Tonna dejjem żamm il-flus “for a rainy day” minħabba li kien għaddej minn problemi personali.
9:55am – L-Ispettur tal-Pulizija qed tippreżenta numru ta’ dokumenti lill-Maġistrat Frendo Dimech. Wieħed jista’ jinnota li d-dokumenti huma ħafna u dettaljati. Fosthom, stqarraijiet tal-akkużati waqt l-interrogazzjonijiet.
9:50am – Jingħataw dettalji dwar l-arrest tal-eks Chief of Staff f’Kastilja. Keith Schembri kien arrestat fil-Mellieħa, saret tfittxija fid-dar tiegħu fejn instabu żewġ mobiles tad-ditta iPhone, tablet tal-istess ditta, USBs u ipod. Komplew tfittxijiet f’Bormla u anke f’Bulebel fl-uffiċini ta’ Kasco fejn kien elevat laptop u tower. Dan l-arrest kien sar f’Settembru tal-2020.
9:47am – Qed jingħataw id-dettalji ta’ kumpanijji fil-Panama.
9:44am – Il-Maġistrat li ħadmet fuq l-inkjesta ma kinetx emmnet dak li qalu Brian Tonna u Keith Schembri fid-dikjarazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-loan ta’ 100,000Eur li Schembri kien sellef lil Tonna. Dan għaliex jidher li Tonna kellu biżżejjed flus tiegħu personali mingħajr bżonn ta’ self għar-raġuni li hu kien ta.
9:42am – Fl-aħħar ta’ kull xahar l-impjegati ta’ Nexia kienu jitħallsu ammont li jkun dikjarat għat-taxxa u l-bolla u kien ikun hemm ammont ta’ cash apparti li ma jkun iddikjarat imkien. Dan kien konfermat minn emails li nstabu fis-servers ta’ NexiaBT. Dan wassal biex l-esperti nnutaw li Nexia kellhom ammont kbir ta’ cash.
9:40am – Il-Qorti ordnat li dikjarazzjonijiet u dettalji personali fir-rigward tal-ħajja personali tal-imputati u dawk fil-familja tagħhom ma joħorġux fil-media.
9:38am – L-esperti sabu li Willerby infetħet biex flus li jgħaddu ma jidhrux.
9:36am – Willerby fetħu l-kont fil-Bank Pilatus bil-għan li jieħdu commissions. Din kienet id-dikjarazzoni tal-Bank iżda Brian Tonna u Karl Cini qalu li mhux għalhekk kienu fetħu l-kont.
9:33am – L-investigazzjoni wriet li kien hemm dokumentazzjoni falza.
9:30am – Jissemmew tliet Russi li dehru fuq l-invoices tal-kumpanija Willerby u rċevuti li ħarġu minn kumpanija oħra ta’ Brian Tonna. Dan wassal biex l-esperti jinnutaw li ħarġu żewġ invoices għal servizz wieħed li ngħataw ir-Russi b’rabta ma’ xiri ta’ passaporti. L-investigazzjoniji nnutat li Willerby ma kellha ebda ħaddiema u qatt ma setgħet toffri dawn is-servizzi b’rabta mal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
9:28am – Qed jissemmew ħafna dati differenti, ta’ meta jkunu ħarġu u daħlu numru kbir ta’ flus. L-ispettur qed tispjega x’ġara mill-flus u x’għamel bihom Brian Tonna u anke x’wieġeb meta mistqosi mill-pulizija.
9:25am – Wara l-Panama Papers u wara dak kollu li ħareġ fir-rigward tal-Bank Pilatus, Brian Tonna neħħa l-kont mill-Bank.
9:22am – Kien seħħ meeting biex jinfetaħ kont fil-Bank Pilatus għal Willerby Trading, kont li spiċċa infetaħ aktar minn sena wara. Id-dokumenti fir-rigward tal-kumpanija kienu ffirmati f’data partikolari iżda jidher li kienu krejati ħafna qabel, preċiżamnet fl-2015.
9:21am – Jidher li dawn id-dokumenti kienu kollha krejati wara l-iskandlu tal-Panama Papers. Dokumenti li allegatament ħolqot Katrin Bondin Carter fuq ordni ta’ Karl Cini.
9:20am – Ġie nnutat li Bondin Carter u Karl Cini ħadmu fuq numru ta’ dokumenti back-dated, dokumenti li inħolqu biex jagħmlu misleading ta’ numru ta’ transazzjonijet u biex jevitaw l-iskrutinju tagħhom.
9:18am – Mid-dokumenti kollha li nġabbru huwa ċar biżżejjed li kieku Brian Tonna ried iħallas dan il-loan lura, kellu biżżejjed flus u cash f’idejh biex iħallas lil Keith Schembri lura mingħajr ma juża l-kont fil-Bank Pilatus tal-kumpanija Willerby.
9:16am – Dawn il-100,000 għaddew mill-kont ta’ Willerby fil-Bank Pilatus iżda ma tħallsux lura minn Brian Tonna biss iżda minn kontijiet differenti.
9:14am – Brian Tonna kien jikteb emails lilu nnifsu fejn f’waħda minnhom kien għamel referenza għal dokument li jitkellem dwar dan is-self m’għand Keith Schembri.
9:09am – Brian Tonna kien qal li ssellef 100,000Eur minn Keith Schembri, fejn saħaq li kellu bżonn dawn il-flus minħabba friżar ta’ kontijiet li beża’ li setgħu jiġu mis-separazzjoni tiegħu mal-mara. Il-100,000Eur jista’ jkun li għaddew ftit ftit m’għand Keith Schembri biex Tonna ma jispiċċax mingħajr flus iżda tonna u Schembri ma jiftakrux id-dettalji. L-allegazzjoni kienet li Keith Schembri ta dawn il-flus bħala kick-back iżda rriżulta li Schembri u Tonna ma kellhomx idea kif għaddew il-flus. Meta saru analiżi ta’ dokumenti kien jidher li Brian Tonna kien iżomm kont ta’ kollox f’dak li għandu x’jaqsam flus iżda ma kien hemm ebda indikazzjoni tas-self ta’ Keith Schembri.
9:03am – L-ispettur Xuereb tgħid li fl-4 ta’ Mejju tal-2017 beda l-proċess tal-inkjesta. fl-10 ta’ Settembru 2020 ġiet konkluża l-inkjesta li fetaħ l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil b’rabta mal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.
9:01am – L-istpettur Annemarie Xuereb titla fuq il-pedana tax-xhud, tixhed kontra Brian Tonna. Tispjega li taħdem fl-Economic Crimes Unit u tgħid li investigat reati ta’ frodi. L-investigazzjoni bdiet wara t-talba tal-ewwel inkjesta dwar allegat tixħim ta’ Brian Tonna u Keith Schembri.
8:59am – Il-prosekuzzjoni qed titlob li l-MFSA jiġu notitifikati bl-ordni tal-ifriżar tal-assi fil-konfront tal-kumpanijji imsemmija fl-akkużi. Id-difiża ma oġġezzjonatx għaldaqstant il-Qorti ordnat li jiġu notifikati bl-ordni tal-ifriżar maħruġ fl-20 ta’ Marzu 2021.
8:57am – L-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u s-soċjetajiet kummeċjali kollha minbarra KBT Holdings Ltd. L-Avukat Gianella Demarco qed tidher għal KBT Holdings. L-Avukati Amadeus Cachia u Franco Debono qed jidhru għal Marie Katrin Bondin Carter.
8:51am – Tidħol fl-Awla l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
8:47am – Jidħlu l-imputati fosthom Karl Cini u Brian Tonna fost sigurtà ta’ gwardjani tal-ħabs.
8:45am – Il-ġurnalisti jitħallew jidħlu f’Awla numru 22. Qed isiru l-aħħar preparamenti qabel jidħol kulħadd.
8:42am – Tittieħed deċiżjoni fl-aħħar ħin ta’ tibdil fl-Awla. Għadna qed nistennew biex kulħadd jerġa’ jsib post f’Awla differenti.
8:39am – Wieħed ma jistax ma jinnotax ċ-ċokon tal-Awla tal-lum fejn m’hawnx biżżejjed spazju għal kull min attenda. L-imputati għadhom ma daħlux fl-Awla iżda jinsabu fil-bini tal-Qorti.
8:37am – Il-ġurnalisti, avukati u familjari qed jistennew il-wasla ta’ Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u Katrin Bondin Carter, mill-kumpanija Nexia BT, u kontra Matthew Pace u Lorraine Falzon minn Zenith.
8:35am – Kollox lest f’Awla numru 9 tal-Qorti fejn minn hawn u ftit ieħor mistennija tibda l-kumpilazzjoni kontra wħud minn dawk arrestati is-Sibt li għadda.
//= $special ?>