Fil-25 ta’ Marzu 2021, il-Malta Coin Centre tal-Bank Ċentrali ta’ Malta se joħroġ żewġ muniti numiżmatiċi tal-fidda u tal-kuprunikil, li jfakkru l-50 anniversarju tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19, il-muniti mhux se jinbiegħu mill-Bank iżda ser ikunu disponibbli biss mill-e-shop tal-Malta Coin Centre fuq www.maltacoincentre.com.
Mr Alexander Demarco, id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, kien nieda b’mod uffiċjali l-muniti waqt avveniment imtella’ mill-Forzi Armati ta’ Malta fil-Barracks ta’ Ħal Luqa, fit-18 ta’ Diċembru 2020.
Id-disinn tal-munita kien ir-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-Bank u l-Forzi Armati ta’ Malta. Il-muniti nħadmu mir-Royal Dutch Mint.
Fuq in-naħa ta’ wara, il-muniti juru l-arma reġimentali tal-Forzi Armati ta’ Malta bi sfond aħmar fuq il-blu. Fuq in-naħa ta’ quddiem tidher l-istemma araldika tar-Repubblika ta’ Malta flimkien mas-sena tal-ħruġ.
Il-muniti jistgħu jiġu ordnati minn qabel mis-sit elettroniku tal-Malta Coin Centre.
Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Malta Coin Centre billi jibgħat email fuq mcc@centralbankmalta.org jew iċempel fuq (+356) 25506006/7.
Verżjoni diġitali tal-programm ta’ muniti għall-2021 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Malta Coin Centre u kif ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta www.centralbankmalta.org.
//= $special ?>