Lokali

Il-Ministru jibqa’ ma jweġibx

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tidher li qed tissikka il-morsa fuq il-Kabinett ta’ Robert Abela, fid-dawl tal-mod kif Ministru u eks Ministru ssemmew minn Vince Muscat “Il-Koħħu” u l-aħwa George u Alfred Degiorgio – li qed jimplikaw politiċi Laburisti f’atti kriminali li seħħew fl-aħħar snin.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qed jibqa’ jinsisti li ma jgħidx jekk hux komdu jaħdem siġġu ma’ siġġu ma’ din il-persuna li, skont l-allegazzjonijiet, għadha fil-Kabinett ta’ Robert Abela. Dan hekk kif hu qed jibqa’ jinsisti li s’issa ħadd ma semma’ lil ħadd.

Iżda l-verità hi mod ieħor għax taħt ġurament, il-Koħħu qal fil-Qorti li Ministru attwali hu involut f’biċċa xogħol kbira. Il-Koħħu hu l-istess persuna li ngħata l-Maħfra Presidenzjali wara li din kienet approvata mill-Kabinett ta’ Robert Abela.

Għaldaqstant, staqsejna lill-Ministru Carmelo Abela kif jista’ jkun li bħala Ministru ma jafx min hu l-Ministru kkonċernat meta – dakinhar li kienet approvata l-Maħfra Presidenzjali – il-Kummissarju tal-Pulizija kien mitlub jagħti preżentazzjoni lill-membri tal-Kabinett.

Iżda dwar dan, Abela ħarab billi qal li ma jagħtix dettalji dwar dak li jingħad fil-laqgħat tal-Kabinett. Aktar minn hekk, hu stieden lill-ġurnalisti biex ikunu huma li jgħidu min huma l-Ministru u l-eks Ministri li qed jissemmew, filwaqt ċaħad kategorikament li l-Ministru li qed jissemma’ huwa hu.

Din mhix l-ewwel darba li l-membri tal-Kabinett qed jagħżlu li ma jwieġbux dwar kif kollega tagħhom hu allegatament involut f’atti kriminali li seħħew fl-aħħar snin … konferma li dawn l-akkuzi qed iżidu l-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela.