Internazzjonali

Il-Parlament Ingliż jivvota biex jestendi l-emerġenza tal-Covid-19 b’6 xhur oħra

Ir-Renju Unit jibqa' viġilanti ferm

Minkejja li għadd ta’ deputati Konservattivi vvutaw kontra, il-Parlament Ingliż approva l-estensjoni tal-emerġenza tal-Covid-19 b’sitt xhur oħra f’sinjal ċar li l-Ingliżi qed jibqgħu kawti ferm fl-isfond tal-pandemija.

Il-Coronavirus Act 2020 għadda b’484 vot kontra 76, jew b’maġġoranza ta’ 408 voti.

Dan l-att oriġinarjament għadda b’għaġla sena ilu mill-istess Parlament hekk kif il-pandemija kienet bdiet taħkem sew lir-Renju Unit tant li l-Gvern ħabbar l-ewwel lockdown. L-estensjoni għandha biss l-għan li toffri viġilanza tul ix-xhur li ġejjin, fl-istess ħin li l-Ingliżi qed jittamaw li jibda r-rilaxx.

Filfatt illum, il-House of Commons approva wkoll regoli li għandhom l-għan li mid-29 ta’ Marzu jibda l-proċess tar-rilaxx bilmod tal-miżuri restrittivi marbuta mal-pandemija.