Ambjent Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-atteġġjament arroganti tal-aġenzija Infrastructure Malta

Għal darboħra, l-aġenzija Infrastruttura Malta bdiet twettaq xogħol infrastrutturali f’Ħad-Dingli fuq artijiet agrikoli privati qabel ma sar l-espropju neċessarju tal-istess artijiet, u dan bil-barka tal-Ministru Ian Borg li hu responsabbli mill-istess aġenzija u tal-Ministru Aaron Farrugia li hu responsabbli mill-qasam ambjentali f’pajjiżna.

Fi stqarrija ffirmata minn Robert Cutajar, Toni Bezzina u Edwin Vassallo, Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent, l-Infrastruttura u l-Agrikoltura qalu li dan ġie kkonfermat min-numru ta’ bdiewa, residenti kif ukoll mill-komunita’ Sależjana, li f’komunikat li ħarġu fuq il-mezzi soċjali kkonfermaw li l-art privata tagħhom qatt ma’ ġiet esproprijata. Dan barra
l-fatt li qatt ma ġew ikkonsultati dwar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq l-istess art.

L-istess reazzjoni kellu wkoll il-kunsill lokali ta’ Ħad-Dingli, fejn appella lill-awtoritajiet konċernati li kull intervent għandu jsir b’ħarsien sħiħ lejn l-ambjent tal-madwar u li għandu jkun assigurat li l-proċess ta’ espropju jkun esegwit fl-intier tiegħu, proċess li sal-lum għadu ma ġiex konkluż minkejja li x-xogħol infrastrutturali fuq is-sit diġa’ beda.

Għalkemm l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi li xogħlijiet infrastrutturali fil-pajjiż huma neċessarji u jridu jsiru, dawn għandhom jitwettqu b’rispett sħiħ lejn l-ambjent naturali tal-madwar, b’konsultazzjoni wiesa’ mar-residenti, bdiewa, raħħala u ma dawk kollha li se jiġu milquta bix-xogħlijiet u skont proċeduri stabbiliti mil-liġijiet ta’ pajjiżna u regolamenti ambjentali temmet tgħid l-istqarrija.

Tags