Lokali

Konferma li l-Labour magna tal-invenzjonijiet

Fl-aħħar jiem, qed ikomplu joħorġu aktar konfermi kemm il-Partit Laburista u l-media tiegħu xerrdu invenzjonijiet kontra l-Partit Nazzjonalista u l-esponenti tiegħu.

L-aħħar fost sensiela minn dawn kienet id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Għawdex li lliberat minn kull akkuża lil Tony Debono – ir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono.

Sitt snin ilu, il-Partit Laburista kien għamel kapital politiku kbir minn allegazzjoni ta’ persuna dwar xogħol Debono fi żmien meta martu kienet Ministru. Saħansitra, il-Partit Laburista u l-media tiegħu kienu jużaw frażijiet bħal “skandlu” u “każ serju ħafna”.

Fost l-oħrajn, reporters tas-Super One kienu jkunu ordnati mit-tmexxija tal-Partit Laburista biex jitolbu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, Simon Busuttil, jerfa’ r-responsabbiltà hu wara dan il-qlajjiet.

Min-naħa tiegħu, Tony Debono mill-ewwel kien iddikjara l-innoċenza tiegħu quddiem il-Qorti. U martu kienet għażlet li tirriżenja minn Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista biex tiġġieled din il-kawża mingħajr indħil politiku, b’insistenza wkoll dwar l-innoċenza ta’ żewġha.

Iżda bid-deċiżjoni tal-Qorti, issa għandna l-konferma kif l-istejjer li tant ippumpjaw il-Partit Laburista u l-media tiegħu ma kienu xejn ħlief invenzjonijiet. Dan hekk kif, wara sitt snin, illiberat lir-raġel tal-eks Ministru Nazzjonalista, li kien akkumpanjat mill-Avukat Joe Giglio.

Il-Qorti kkritikat ukoll lill-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla, li kien ressaq lil Debono, meta qalet li l-Pulizija setgħet investigat il-każ aħjar u anke li kellu jkun evitat li Tony Debono jitressaq b’akkużi serji kriminali.

Iżda sitt snin wara dawn l-akkużi, il-Partit Laburista qed jibqa’ jkun arroganti u jagħżel li ma jiskużax ruħu mal-eks Ministru għal Għawdex u r-raġel tagħha.

Mistoqsi minn NET News, il-Ministru Carmelo Abela ħarab milli jwieġeb billi qal li l-Qorti ddeċidiet biss li ma kienx hemm biżżejjed provi, filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli qalet biss li d-deċiżjoni tal-Qorti hi rrispettata. U mhux talli ma tat l-ebda apoloġija, talli l-microphone tal-ġurnalista tagħna nqata’ mix-xandira b’Zoom.

Sadanittant, sitwazzjoni oħra li wriet kemm l-akkużi tal-Partit Laburista kienu invenzjonijiet biex jirbaħ il-Gvern kienet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, li ftit tal-jiem ilu ma sabet l-ebda evidenza ta’ korruzzjoni jew tixħim fil-mod kif l-Enemalta kienet tat lill-BWSC kuntratt ta’ €200 miljun għall-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara.

Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien tefa’ lil dan il-kuntratt f’dellijiet kbar, partikolarment wara email li kienet intbagħtet minn xi ħadd fl-Enemalta li allega li l-kwistjoni kellha tkun investigata.

Madankollu, 10 snin wara dawk l-allegazzjonijiet, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Permanenti wkoll turi kif il-Partit Laburista kien ibbaża l-invenzjoni tiegħu fuq email li ma kien fiha l-ebda evidenza u b’hekk, anke din tal-BWSC kienet bużżieqa oħra li nfaqghet f’wiċċ il-Labour.