Il-Korea ta’ Fuq sparat żewġ missili ballistiċi għal ġol-Baħar tal-Ġappun minkejja li l-pajjiż komunista hu projbit milli jwettaq provi għal dawn it-tipi ta’ armi — skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-isparatura kienet l-ewwel ta’ dan it-tip mindu Joe Biden laħaq President tal-Istati Uniti u tista’ titqies ukoll bħala provokazzjoni diretta għall-Gvern ġdid f’Washington. Sadanittant, l-Istati Uniti u l-Ġappun ikkundannaw il-provi tal-missili mingħajr riservi, bil-Ġappuniżi, wara, jgħidu li ma waqa’ l-ebda materjal mill-missili fl-ibħra territorjali tagħhom.
Il-provi seħħew ftit jiem biss wara li l-Korea ta’ Fuq kienet sparat żewġ missili li ma kenux ta’ tip ballistiku għal ġol-Baħar l-Isfar.
Kelliema għall-US Pacific Command li jmexxi lill-qawwiet militari fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku qalu li l-provi tal-missili ballistiċi mill-Korea komunista enfasizzaw ‘it-theddida mill-armamenti illegali ta’ Pyongyang għall-Istati ġiriien u l-komunità internazzjonali’.
Aktar kmieni fil-ġimgħa, il-President Biden kien ipprova jimminimizza s-sinifikat tal-provi tal-missili fil-Baħar l-Isfar u qal li Washington ma kienx qed iqis dawn il-provi bħala provokazzjoni. Il-missili f’dan il-każ x’aktarx li kienu tal-artillerija jew tat-tip cruise li mhumiex ipprojbiti taħt ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-Korea komunista.
Sadanittant, wasal l-Istati Uniti l-ewwel raġel mill-Korea ta’ Fuq li qed jinżamm taħt arrest dwar reat speċifiku. Ir-raġel, Mun Chol Myung, hu negozjant li kien estradit mill-Malasja fuq akkużi li uża s-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti għall-ħasil ta’ flus, bil-għan li jwassal oġġetti ta’ lussu lill-Korea ta’ Fuq.
Intant, il-Korea komunista tant hi rrabjata għal dan l-iżvilupp li waqqfet ir-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Malasja.
//= $special ?>