Lokali Qorti

Kumpens ta’ aktar minn €23,000 wara li skonta aktar minn sena ħabs fuq gidba

Raġel ingħata kumpens ta’ €23,000 talli qatta’ aktar minn sena l-ħabs fuq pretensjoni falza li huwa kkorrompa sesswalment lil bintu taħt l-età. L-għotja ngħatat f’sentenza tal-qorti tal-appell li qalbet deċiżjoni ta’ qorti preċedenti li ma jingħatax kumpens.

Emmanuel Camilleri qatta’ total ta’ 397 ġurnata l-ħabs u kie tniżżel fir-reġistru tar-reati sesswali wara li nstab ħati fl-2011 li kkorrompa u mmolesta lil bintu.

Sentejn wara, dik il-kundanna ġiet ikkonfermata fl-appell. Madankollu rriżulta li kollox kien ibbażat fuq gidba, b’bintu sussegwentement tammetti ma qalitx il-verità u vvintat storja wara li tqabdet minn ommha.

Fl-2016, il-Prim’Awla, il-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, neħħiet il-kundanna. Dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata sena wara mill-Qorti Kostituzzjonali fl-appell.

Bint Camilleri nstabet ħatja li tat xhieda falza fl-2015. Missierha mbagħad ippreżenta każ ieħor fejn talab kumpens mill-istat għall-kundanna inġusta. Iżda t-talba tiegħu ġiet miċħuda, bil-qorti tgħid li l-inġustizzja ta’ Camilleri kienet ġejja minn għemil ħażin imwettaq minn individwu privat, jiġifieri bintu.

Camilleri appella u l-Qorti irrevokat dik id-deċiżjoni. Il-qorti, ippreseduta mill-Imħallfin Anthony Ellul, Robert Mangion u Toni Abela, iddeċidiet li għalkemm kien veru li l-inġustizzja li sofra Camilleri kienet minħabba x-xhieda falza ta’ bintu, hija wara nstabet ħatja li tat evidenza falza.

Dan, qalet il-qorti, kien fatt ġdid li wera li kien hemm korriment tal-ġustizzja. Il-Qorti tat lil Camilleri €23,293.73 f’kumpens. Camilleri kien rappreżentat mill-avukat Tonio Azzopardi.