Lokali Unjoni Ewropea

Malta hi aħjar mill-qattiela u l-kriminali – l-MEPs tal-PN

Metsola u Casa jkomplu jiddefendu isem pajjiżna

Malta hi aħjar mill-qattiela u l-kriminali. Messaġġ komuni ta’ difiża għal isem pajjiżna miż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista – Roberta Metsola u David Casa – waqt dibattitu fil-Plenarja dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-Saltna tad-Dritt f’Malta.

Roberta Metsola qalet li rridu li l-impunità tintemm għalkollox u li l-ġustizzja ssir. Iżda fuq kollox, irridu naraw li dak li ġara, ma jerġax iseħħ. Hu għalhekk li rridu naraw li kulmin b’xi mod hu responsabbli mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jiffaċċja l-ġustizzja.

Roberta Metsola qalet li pajjiżna għandu bżonn li jkollu awtoritajiet aktar b’saħħithom, filwaqt li jingħata aktar poter lill-Europol fit-tqassim ta’ evidenza u investigazzjonijiet. Barra minhekk, hi appellat lill-Parlament Ewropew biex ma jagħtix kenn lil min hu kriminal.

Min-naħa tiegħu, David Casa rringrazzja lil Daphne Caruana Galizia għall-kuraġġ u d-determinazzjoni li kellha, fejn saħansitra tat ħajjitha għal Malta. Qal li hu evidenti kif dawk li qed imexxu lil pajjiżna huma ħaġa waħda mal-kriminalità. Konferma ta’ dan hu li ma’ kuljum li jgħaddi, dejjem nisimgħu b’xi skandlu ġdid.

David Casa kompla li hu għalhekk li Malta għandha bżonn protezzjoni mill-Gvern tagħha stess. Għaldaqstant, hu appella lill-Maltin u lill-Għawdxin biex ma jaqtgħux qalbhom għax il-ħidma tal-MEPs eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista mhix se tieqaf hawn.

Hu għalaq billi qal li għandu d-dover iservi ta’ tarka għal kull wieħed u waħda minna. Dan meta, min-naħa l-oħra, l-MEPs Laburisti ma riedux li dan id-dibattitu jsir għax riedu li din il-kwistjoni tinkines taħt it-tapit.