Hekk kif issa l-Kabinett spiċċa bi tliet maħfriet Presidenzjali ġodda quddiemu, u li għad iridu jiġu diskussi, il-membri tal-Gvern huma skomdi jitkellmu dwar dak kollu li qed joħroġ mill-Qrati u li qed ikompli jorbot lil wieħed minnhom ma’ reati kriminali kbar li seħħew fl-aħħar snin.
Staqsejna lill-Ministru Miriam Dalli kif se jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar dawn il-maħfriet Presidenzjali mitluba. Dan dejjem fid-dawl tal-fatt li fost il-Ministri li jridu jiddeċiedu hemm wieħed minnhom li allegatament jinsab implikat fl-akkużi li qed jagħmlu it-tliet irġiel.
Il-Ministru wieġbet sempliċiment li l-Gvern jiddiskuti dawn il-maħfriet u mbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet, mingħajr ma indikat jekk dawn id-diskussjonijiet bdewx jew le.
Intant fl-isfond tal-fatt li pajjiżna s-Sibt li għadda ra lill-eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri dieħel il-ħabs ta’ Kordin wara li tressaq bi ħdax il-kap t’akkuża, waqt programm ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon Nazzjnali, il-preżentatur tal-media Laburista Charlon Gouder ma sabx kliem biex jiddefendi lill-istess Partit mill-akkuża li dan sar ħaġa waħda mal-kriminali.
