“Se nibqgħu nuru li pajjiżna jixraqlu u jista’ jkun aħjar, kif kien qabel, biex jerġa’ jkollna isem tajjeb internazzjonalment.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta llum ipparteċipa f’summit onlajn tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), fejn
irrefera wkoll għall-iżviluppi kollha li seħħew f’pajjiżna matul dawn l-aħħar ġranet u s-saltna tad-dritt.
Matul is-summit, Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-pandemija u l-programm tal-vaċċinazzjoni, li fil-preżent jinsab għaddej f’pajjiżna, u spjega kif matul dawn il-jiem, in-numru tal-persuni infettati qed jonqos. Huwa qal li meta fil-preżent pajjiżna jinsab f’partial lockdown, qegħdin nibqgħu viġilanti u l-messaġġ fl-aħħar huwa wieħed ċar, mill-awtoritajiet
ukoll, li biex negħlbu din il-pandemija rridu verament ilkoll nagħmlu s-sagrifiċċji.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq mal-imsieħba fil-PPE dwar l-importanza li nibqgħu nemmnu u naħdmu lkoll flimkien bħala stati membri tal-Unjoni Ewropea, għaliex m’aħniex stat kontra stat iżda Unjoni Ewropea waħda u għandna nibqgħu
naħdmu flimkien fl-istess direzzjoni, u li m’għandniex nitkellmu biss fuq is-solidarjeta’ Ewropea iżda wkoll nipprattikawha.