(Ritratt: Twitter/England)
Futbol Sport

Rebħiet faċli għall-Ingilterra, l-Italja u l-Ġermanja

L-Ingilterra kisbu rebħa kbira ta’ 5-0 fuq San Marino fl-ewwel logħba tagħhom mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022. L-Ingliżi fetħu l-iskor fl-14-il minuta permezz ta’ JAMES WARD-PROWSE biex seba’ minuti wara rdoppjaw permezz ta’ daqqa ta’ ras tajba ta’ DOMENIC CALVERT-LEWIN. RAHEEM STERLING għamilhom tlieta fil-31 minuta biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ tliet gowls. Fit-tieni taqsima l-Ingilterra baqgħu jiddominaw l-partita biex fit-53 reġa kien DOMENIC CALVERT-LEWIN li mill-viċin għamilhom erba’, biex fit-83, id-debuttant OLLIE WATKINS skorja l-ħames gowl tal-partita għal skor finali ta’ 5-0.

L-Italja għelbu lil Irland ta’ Fuq bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ gowls kaslu fl-ewwel taqsima. Kien DOMENICO BERARDI li fetaħ l-iskor fl-14-il minuta, fejn ikkonkluda ġewwa wara pass ta’ Alessandro Florenzi. L-Italja skorjaw it-tieni gowl fid-39 minuta meta minn pass ta’ Lorenzo Insigne, kien CIRO IMMOBILE li tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 2-0.

Ir-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja tal-2014, il-Ġermanja kisbu rebħa faċli ta’ 3-0 fuq l-Iżlanda. Huma marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita meta fit-tielet minuta, wara pass ta’ Serge Gnabry, kien il-plejer ta’ Bayern Munich, LEON GORETZKA li skorja l-ewwel gowl għall-Ġermanja. Ħames minuti wara it-tim Ġemraniż għamilhom tnjen hekk kif fuq pass ta’ Leroy Sane, KAI HAVERTZ ikkonkluda wara l-gowlkiper Iżlandiż għal 2-0. Fit-tieni taqsima it-tim ta’ Joachim Low għalqu l-partita fis-56 minuta permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa ta’ IKAY GUNDOGAN għal skor finali ta’ 3-0.

F’waħda mis-sorpriżi tal-ewwel ġurnata mir-rawnd ta’ kwalifikazjoni, Spanja ġew miżmuma mill-Greċja fi dro ta’ 1-1. Spanja marru fil-vantaġġ fit-33 minuta meta minn cross ta’ Koke, kien ALVARO MORATA li kkonkluda għal ġewwa. Minkejja dan il-Greċja kisbu l-gowl tad-dro fis-57 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Inigo Martinez fil-kaxxa, fejn nkariga ruħu minnu ANASTASIOS BAKASETAS, li mill-ħdax-il metru tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 1-1.

Illejla: Grupp B: Spanja v Greċja 1-1, Żvezja v Ġorġja 1-0, Grupp Ċ: Bulgarija v Żvizzera 1-3, Italja v Irlanda ta’ Fuq 2-0, Grupp F: Israel v Danimarka 0-2, Moldova v Gżejjer Faroe 1-1, Skozja v Awstrija 2-2 Grupp I: Andorra v Albanija 0-1, Ingilterra v San Marino 5-0, Ungerija v Polonja 3-3, Grupp J: Ġermanja v Iżlanda 3-0, Liechtenstein v Armenja 0-1, Rumanija v Macedonia 3-2