L-Istat ta’ Virginia sar l-ewwel Stat Amerikan tan-nofsinar li neħħa l-piena tal-mewt mill-istatut wara li l-Gvernatur Ralph Northam iffirma liġi speċifika li tabolixxi l-piena kapitali.
Northam qal li dan il-pass għandu jwaqqaf ‘il-makkinarju tal-mewt’ u sistema li mhux dejjem serviet l-interessi tal-ġustizzja bl-istess mod minn aspett razzjali ( fir-rigward tal-bojod u s-suwed).
Id-deċiżjoni ttieħdet ukoll fi żmien meta għaddejjin mill-ġdid id-dibattiti jaħarqu dwar ‘l-esekuzzjonijiet ta’ persuni fuq death row’.
L-Istat ta’ Virginia esegwiet aktar każi ta’ piena kapitali minn kwalunkwe Stat Amerikan ieħor ħlief Texas mindu l-Qorti Suprema Amerikana, fl-1976, ikkonfermat il-piena massima bħala strument tal-ġustizzja.
Minn dak iż-żmien, il-maġġoranza kbira tal-esekuzzjonijiet saru fl-Istati Amerikani tan-nofsinar li jikkostitwixxu r-reġjun tal-Confederacy fejn ir-residenti, għexieren ta’ snin ilu, kienu jżommu l-iskjavi suwed.
Filwaqt li l-esekuzzjonijiet tal-ħabsin għadhom qed ikunu awtorizzati f’27 Stati Amerikani, uħud minn dawn l-Istati implimentaw moratorju għall-piena massima.
//= $special ?>