Internazzjonali

Tħassib wara li vapur imblokka l-kanal ta’ Suez

Il-vapur tal-containers MV Ever Given tal-linja marittima Evergreen sab ruħu jimblokka l-kanal ta’ Suez.

L-operaturi Tajwaniżi tal-vapur li jtajjar bandiera tal-Panama qed jgħidu li l-vapur spiċċa minn tulu jagħlaq dan il-kanal krucjali fit-trasport marittimu tort ta’ riħ qawwi u maltempata tar-ramel li spiċċa biex inkalja l-vapur.

Hu mifhum li l-vapur jinsab imwaħħal ma’ qiegħ il-baħar u għal tul ta’ ħin madwar tmien dredgers pruvaw jaqalgħu il-bastiment. Madankollu sa issa dawn l-isforzi ma swew għal xejn.

Fost il-komunità marittima hemm tħassib kbir li dan il-kanal jista’ jibqa’ mblukkat għal diversi ġranet jekk mhux ġimgħat. Dan jissarraf f’għadd kbir ta’ vapuri jsibu rwieħhom maqbuda fuq naħa jew oħra tal-kanal u f’dewmien kbir fit-trasportazzjoni marittima li tista’ teffetwa anke merkanzija li tinsab fi triqtha lejn Malta.