Futbol Sport

Tlifna iżda komplejna nuru progress

Ritratt ta' Domenic Aquilina

Reazzjoni pożittiva mill-Maltin wara li konna 2-0 minn taħt, u stajna anke ġibna d-dro

Malta 1 Russja 3

Kontra r-Russja, il-pajjiż li fl-aħħar Tazza tad-Dinja kien eliminat fil-kwarti tal-finali mill-Kroazja, tlifna iżda ħriġna b’rasna mgħollija. Malta bdiet l-avvenutra tagħha fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li jmiss, dik tal-2022 fil-Qatar, b’telfa ta’ 3-1. Ir-riżultat jista’ jidher wieħed giddieb u li kieku konna aktar attenti għal ċertu żbalji li għamilna, stajna ħadna xi ħaġa minn dan il-logħba.

Il-veritá hi li l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Devis Mangia kompliet turi kontinwitá fil-pożittiv. Dawk kollha li kienu xettiċi mill-progress li qed nagħmlu bħala tim nazzjonali, speċjalment wara l-prestazzjonijiet tal-UEFA Nations League, meta f’Novembru li għadda fallejna il-promozzjoni storika għal diviżjoni oħra tal-UEFA bi ftit, wara din il-partita x’aktarx bdew jifhmu li ċ-ċaqliqa li qed iseħħ f’din l-iskwadra m’hijix b’kumbinazzjoni jew għaliex konna qed nilgħabu kontra pajjiżi tal-istess livell bħal tagħna, iżda għaliex ix-xogħol li qed isir qed jagħti l-frott.

Skwadra trasformata fit-tieni 45 minuta

Kontra r-Russja, wara li fit-tmiem tal-ewwel taqsima konna 2-0 minn taħt, fit-tieni taqsima konna kapaċi nagħmlu trasformazzjoni tajba, tant li wara biss għaxar minuti logħob dħalna mill-ġdid fil-partita, meta konna kapaċi napprofittaw minn inċertezza fid-difiża tar-Russja u saħansitra skorjajna ġmiel ta’ gowl. Iżda mhux biss. Wara dan il-gowl, komplejna nagħfsu u tfajna lill-avversarji taħt pressjoni u għal ftit ma skorjanix il-gowl tad-dro.

Erba’ xhur wara l-aħħar partita internazzjonali ta’ Malta, Mangia għażel li jibda b’għaxra mill-ħdax-il plejer li kontra l-Gżejjer Faroe f’Ta’ Qali, kienu parti mill-formazzjoni inizjali. L-unika bidla kienet dik tal-midfielder ta’ Hibernians, Bjorn Kristensen li ħa post l-Brittaniku ta’ dixxindenza Maltija, Luke Gambin.

Captain Agius jilgħab bin-numru 15 b’rispett għal Tony Bezzina

Il-captain Malti, Andrei Agius kien qed jilgħab id-98 partita tiegħu mat-tim nazzjonali, hekk kif jinsab biss żewġ partiti ‘l bogħod milli jilħaq l-ammont sabiħ ta’ mitt partita internazzjonali ma’ Malta. Dan it-tragward possibilment jista’ jintlaħaq fit-30 ta’ dan ix-xahar, meta wara l-partita li jmiss ta’ kontra s-Slovakkja, f’Trnava, nerġgħu nilgħabu t-tielet partita f’sitt t’ijiem kontra l-Kroazja, f’Rijeka. Interessanti l-fatt li għal din il-partita, Agius biddel in-numru tal-flokk tiegħu għal numru 15, b’rispett u memorja għall-President tal-klabb tiegħu, Tony Bezzina li miet disa’ t’ijiem qabel fl-etá ta’ 72 sena.

L-ewwel taqsima | Malta daqs l-avversarji jekk mhux aħjar, fl-ewwel 20 minuta

Kontra skwadra li tinsab fid-39 post fir-rankings tal-pajjiżi dinji tal-FIFA, il-Maltin ħarġu organiżżati u tattikament dixxiplinati. Bdejna niddefendu u meta kelna l-ballun f’saqajna, konna avventurużi tant li l-ewwel azzjoni perikoluża tal-partita waslet mit-tim tagħna, fis-17-il minuta. Teddy Teuma għadda ballun lejn Joseph Mbong fuq il-lemin, bil-winger ta’ Ħamrun Spartans ġibed lejn in-nofs u fil-baxx xeħet lejn il-lasta avversarja, b’Anton Shunin salva bla diffikulta.

Iżda ħames minuti wara, fit-22 minuta, id-difiża r-Russi rrnexxilhom jippenetraw b’suċċess lid-difiża tagħna u fetħu l-iskor. Kienet azzjoni mibdija minn Aleksei Ionov u maħduma minn diversi plejers, b’serje ta’ passaġġi fil-qasir. Ir-Russi għelbu n-nasba tal-offside, meta Daniil Fomin ġab lil ARLEM DZYUBA f’posizzjoni tajba, li mill-viċin xeħet fil-baxx wara Henry Bonello għal skor ta’ 1-0.

L-ewwel gowl Russu, ifixkel lill-Maltin

Wara dan il-gowl, ir-Russi komplew iżidu fil-logħob tagħhom u fi spazju ta’ żewġ minuti, il-midfielder żagħżugħ ta’ Dinamo Moscow, Fomin kellu żewġ tentattivi lejn il-lasti; l-ewwel wieħed kien salvat bi bravura minn Bonello u fit-tieni azzjoni, ix-xutt tiegħu għadda għoli.

Wara li kienu għaddew aktar minn nofs siegħa logħob, ir-Russi resqu mill-ġdid viċin it-tieni gowl meta minn kross ta’ Vyacheslav Karavaev, captain Dzyuba bir-ras, xeħet kemm kemm għoli. Għaxar minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Malta ssofri t-tieni gowl. Reġħet kienet azzjoni simili għall-ewwel gowl, bir-Russi jilgħabu l-ballun fil-baxx u b’passaġġii qosra. Għal darb’oħra Dzyuba kien involute fl-azzjoni tal-gowl, iżda serva l-assist lid-difensur imwelled fil-Brażil, MARIO FERNANDES, b’dan tal-aħħar bil-lemin skorja t-tieni wieħed tar-Russi u r-raba’ wieħed tal-karriera tiegħu mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.

F’dan il-mument il-Maltin kienu taħt pressjoni, u bdejna nuru sinjali ta’ diffikulta biex nikkontrollaw il-furja tal-avversarji u meta Aleksandr Golovin kellu azzjoni personali fil-kaxxa tagħna, iżda Steve Borg tefa’ barra, ir-referee saffar tmiem l-ewwel taqsima u l-Maltin ħadna ftit tan-nifs, bit-tama li t-tieni 45 minuta jkunu aħjar.

It-tieni taqsima | Malta turi bidla għall-pożittiv u niskorjaw

Fit-tieni taqsima, Mangia wettaq żewġ bidliet mill-ewwel minuta. Hu daħħal liż-żewġ plejers żgħażagħ Paul Mbong u Alex Satariano, minflok Jurgen Degabriele u Luke Montebello, bit-tama li jagħti aktar saħħa lill-attakk tat-tim. Il-Maltin ħarġu differenti. Aktar grintużi u deċiżi li kmieni f’din it-taqsima, jagħtu sinjal ċar lir-Russi, li dak li ġara fl-ewwel taqsima, ma kienx se jibqa’ għaddej.

Jgħaddu għaxar minuti logħob u Malta tiskorja, u x’gowl dak! Kienet azzjoni ta’ persistenza kbira bil-Maltin, wara li ftit qabel ipprotestajna għal penalty, wara li Paul Mbong twaqqa’ fil-kaxxa. Ir-referee ħalla l-logħob għaddej, il-Maltin komplejna nilgħabu, u bl-avversarji taħt pressjoni, Malta approfittaw minn clearance ħażina tar-Russi, ballun għand JOSEPH MBONG li b’xutt minn fuq il-lemin nifed lid-difiza opposta u skorja l-ewwel gowl tiegħu mat-tim nazzjonali Malti.

Malta viċin il-gowl tad-dro, iżda…

Kien il-gowl li qajjem l-ispirtu tal-Maltin, għaliex żewġ minuti wara s-sostitut Satariano għadda lejn Teuma li minn ġewwa ‘l kaxxa kellu x-xutt tiegħu salvat minn Shunin. L-istess Teuma kien eqreb lejn il-gowl tad-dro fid-69 minuta, meta wara li żamm il-ballun fuq sidru, b’xutt mill-ewwel ikkonkluda ftit barra, f’dik li kienet azzjoni tassew sabiħa u li komplit tqajjem il-moral tal-Maltin.

Iżda fid-89 minuta, fl-unika azzjoni denja ta’ nota li kellhom ir-Russi fit-tieni taqsima, skorjaw. Kollox beda’  minn gowl-kick tal-Maltin, mogħti minn Henry Bonello u li r-Russi interċetaw bir-ras f’nofs pitch.  Aleksei Miranchuk, wara li rċieca f’tarf il-kaxxa, għadda lejn ALEKSANDR SOBOLEV, li kien ilu biss ftit minuti jilgħab, li mill-viċin xeħet fix-xibka, b’Bonello jmiss il-ballun.

L-istatistika tal-logħba turi li lagħbna kważi daqs ir-Russi

Is-suffara finali tar-referee Daniż ġabet nislet espressjoni ta’ diżappunt fl-uċuħ tal-plejers tagħna, u mhux anqas tal-kowċ Mangia, mhux għaliex ġarrabna telfa, kif wara kollox kien il-pronostiku qabel din il-partita, iżda għaliex f’din il-lejla stajna ksibna xi ħaġa aktar kontra r-Russja. Fit-tieni taqsima konna l-aħjar tim fil-grawnd u l-uniku ċans ta’ skor li kellhom r-Russi, skorjawħ, meta lejn l-aħħar tal-partita għalqu l-partita bit-tielet gowl tagħhom. Mill-bqija t-tieni taqsima kienet tal-Maltin. L-istatistika hi xhieda ta’ dan. Kelna azzjonijiet daqs kemm kellhom huma, u jekk ir-Russi ħasbu li kienu se jilgħabu kontra tagħna, u jkollhom dominju fil-pussess, marru żmerċ. Fil-fatt, Malta kelna 44% tal-pussess tul id-90 minuta; perċentwal li għandu jitqis bħala wieħed tajjeb, meta tqis il-kwalitá tal-avversarju li lagħbna kontra tiegħu.

Wettaqna żbalji fattali, iżda konna reattivi

Ikkommettejna żbalji li ssarfu f’gowls għall-avversarji. Nistħajel lilkhom tgħidu, ‘xejn ġdid. Mhux dejjem hekk aħna?’. Vera, imma din id-darba kienet xorta oħra. Għamilna l-iżbalji, soffrejna żewġ gowls f’temp ta’ 12-il minuta, iżda konna kapaċi nuru bidla u pożittivitá fil-logħob u l-attitudni tagħna bħala tim. Normalment l-istorja kienet tkun differenti għaliex ħafna drabi, meta konna nkunu f’sitwazzjoni bħal dik li konna kontra r-Russja sat-tmiem tal-ewwel 45 minuta, rari jew qatt ma konna naraw reazzjoni daqstant pożittiva mill-Maltin fit-tieni taqsima.

Issa bdejna nilgħabu kontra nazzjonijiet bil-wisq aħjar minn Malta. Inkunu prużuntużi jekk nippretendu li se nibqgħu nirbħu l-punti f’kull logħba kif konna qed nagħmlu fil-partiti tal-UEFA Nations League, iżda jekk f’kull logħba li nilgħabu, u kontra kwalunkwé avversarju, nilgħabu bħal ma lagħbna kontra r-Russja, l-istennija tkun realistika. Nawguraw li dan il-progress ikompli, u li l-ħolma tal-MFA, Mangia u dawk kollha li qed jemmnu f’dan il-proġett ambizzjuz tkompli ssir realtá.

Malta | 1 Henry Bonello; 2 Kurt Shaw; 3 Ryan Camenzuli (86 min 5 Juan Corbolan); 4 Steve Borg; 6 Matthew Guillaumier; 7 Joseph Mbong; 14 Luke Montebello (46 min 11 Paul Mbong); 15 Andrei Agius (88 min 9 Kyrian Nwoko); 17 Teddy Teuma; 18 Jurgen Degabriele (46 min 23 Alex Satariano); 19 Bjorn Kristensen (73 min 10 Stephen Pisani)

Russja | 1 Anton Shunin; 2 Mário Fernandes; 4 Vyacheslav Karavaev;

5 Andrei Semenov; 7 Ilzat Akhmetov; 8 Daniil Fomin (57 min 15 Aleksei Miranchuk); 14 Georgi Dzhikiya; 17 Aleksandr Golovin; 20 Aleksei Ionov (57 min 11 Rifat Zhemaletdinov); 22 Artem Dzyuba (83 min 9 Aleksandr Sobolev); 23 Daler Kuzyaev (78 min 6 Andrei Mostovoy)

Referee | Peter Kjærsgaard (Danimarka)

Karti sofor | 62 min Rifat Zhemaletdinov (Russja), 92 min Juan Corbolan (Malta)

Skorjaw | 22 min Arlem Dzyuba (Russja), 35 min Mario Fernandes (Russja), 55 min Joseph Mbong (Malta), 89 min Aleksandr Sobolev (Russja)