Internazzjonali

Covid-19: Insistenza biex l-Astra-Zeneca tonora l-impenji relatati mad-distribuzzjoni tal-vaċċin lejn l-Ewropa

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, insistiet biex il-kumpanija AstraZeneca ‘tagħti spinta’ lill-produzzjoni tal-vaċċin kontra l-Covid-19 bil-għan li tirrispetta l-obbligi lill-Unjoni Ewropea.

Meta tkellmet waqt konferenza tal-aħbarijiet wara summit virtwali għall-Mexxejja tal-UE, von der Leyen sostniet li l-AstraZeneca ‘teħtieġ tonora l-kuntratt li ntrabtet bih mal-Istati membri tal-Ewropa qabel timpenja ruħha mill-ġdid għall-esportazzjoni tal-vaċċini’.

Hi kompliet li l-UE ‘trid tispjega liċ-ċittadini tal-Ewropa li se jieħdu l-ammont xieraq tad-dożi’ fi żmien meta l-kontinent qed jagħmel l-almu biex irażżan l-effetti tal-virus u l-varjanti tiegħu.

Von der Leyen u l-uffiċjali tal-UE fl-aħħar jiem akkużaw lill-kumpanija Żvediża tal-farmaċewtika b’li naqset milli tissupplixxi l-ammonti tal-vaċċin lill-Ewropa li kienet ftehmet minn qabel mal-pajjiżi.

Fis-summit tal-Ħamis, il-Mexxejja tal-UE trattaw il-problemi relatati mad-distribuzzjoni tal-vaċċini għall-Ewropa — bi stqarrija wara s-summit tenfasizza l-importanza tan-networks fuq skala globali li jappoġġjaw il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-coronavirus.

Intant, il-Mexxejja Ewropej iddeċidew biex ma waqqfux l-esportazzjoni tal-vaċċin tal-AstraZeneca-Oxford mill-Istati tal-Ewropa wara tilwima fit-tul mal-kumpanija Żvediża dwar ir-rollout problematiku madwar il-kontinent.Il-mexxejja anki esprimew ‘l-appoġġ bħala prinċipju’ għal sitwazzjoni fejn ikollhom jissikkaw il-kontrolli għall-esportazzjoni tal-vaċċini mill-Ewropa.

Ir-rollouts ( distribuzzjoni) tal-vaċċini fil-pajjiżi Ewropej fl-aħħar jiem qabdu ritmu bil-mod ħafna u l-UE ma żammitx lura milli twaħħal fil-kumpaniji tal-farmaċewtika ( u l-AstraZeneca b’mod partikulari) talli ma provewx id-dożi tal-vaċċin li kienu wiegħdu.

Iżda waqt li l-President Franċiż, Emmanuel Macron, qed jgħid li l-UE ‘tgħallmet mill-iżviluppi tal-aħħar ġranet’, l-AstraZeneca baqgħet tiċħad li ma żammitx mal-obbligi tagħha fiċ-ċirkustanzi.

Ir-Renju Unit u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-aħħar ġranet ukoll kienu akkużaw lill-UE b’li trattat l-issue tal-vaċċini bħala ‘parti minn kunċett ta’ nazzjonaliżmu’ wara li l-Unjoni introduċiet il-kontrolli għall-esportazzjoni tal-vaċċini li qed ikunu prodotti fl-Istati membri.

Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson kien wissa li ‘l-ostakoli għall-moviment ħieles tal-vaċċini fi żmien daqshekk delikat ma jagħmel ġid lil ħadd’.

Hu kompla li projbizzjoni għall-esportazzjoni tal-vaċċini mill-Ewropa kellha tipperikola l-kampanja tat-tilqim fir-Renju Unit li rnexxiet ferm aktar mill-programmi tat-tilqim fl-Istati tal-Unjoni. Johnson wissa wkoll li projbizzjoni li testendi ‘il hinn ‘miz-zoni tad-distribuzzjoni’ tal-AstraZeneca kapaċi anki tostakola t-tilqim li qed ikun prodott fil-Belġju għall-BioNTech/Pfizer.

Madankollu, von der Leyen ippruvat tirribatti l-kummenti ta’ Johnson bl-argument li ‘l-Unjoni Ewropea hi l-aktar reġjun li jesporta l-vaċċini madwar id-dinja’. Aktar qabel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea kienet qalet li l-UE, minn  Diċembru ‘il hawn, esportat xi 77 miljun doża lil 33 pajjiż.

Il-kummenti tagħha ħarġu wara li l-UE ħarġet stqarrija konġunta flimkien mar-Renju Unit u fejn in-naħat impenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien wara l-aħħar ġimgħat ta’ tensjoni minħabba l-vaċċin tal-AstraZeneca.