Lokali Qorti

Dak kollu li ħareġ mill-Qorti fil-kumpilazzjoni ta’ Keith Schembri u oħrajn

Matthew Pace u Lorraine Falzon ingħataw il-libertà proviżorja. Jinsabu taħt att ta' akkuża.

2:40pm – Għal-lum kollox jintemm hawnhekk.

2:38pm – Is-seduta li jmiss fil-konfront ta’ Vince Buhagiar se tkun fis-27 t’April fil-12:15pm.

2:34pm – Għaddejin diskussjonijiet dwar fejn ser jirċievi l-pensjoni Vince Buhagiar. Dan minħabba li kien hemm friżar tal-kontijiet.

2:32pm – M’hemmx kontestazzjoni għall-prima facie.

2:27pm – Għaddejja diskussjoni dwar il-pass li jmiss.

2:24pm – Il-kontro eżami tal-Ispettur Scerri ġie sospiż.

2:22pm – L-ispettur jispjega li Buhagiar kien qed jirċievi konsulenzi u qatt ma nstabu invoices. Jgħid li kellu biss ftehim verbali ma’ Keith Schembri tal-konsulenzi li ta’ bejn 2005 u l-2012.

2:20pm – Mill-kontro-eżami joħroġ li mill-2012 ‘l quddiem, Vince Buhagiar ma baqax jinvolvi ruħu f’deċiżjonijiet tal-kumpanija imma biss f’konsulenzi għaliex kien irtira.

2:19pm – Kien hemm tliet offerti għax-xiri tal-magni li ġew evalwati biss minn Progress Press u mhux minn Alied. Kien hemm ukoll ditta tal-awdituri. L-Ispettur jispjega li l-kumpanija għażelt l-irħas tender, dak ta’ Keith Schembri.

2:18pm – Jibda l-kontro-eżami tad-difiża.

2:16pm – L-Ispettur jispjega li 5.5 miljun ingħataw f’commisions, b’inflazzjoni tal-ammont li kellu jitħallas. Progress Press marret minn taħt permezz ta’ qliegħ leġittimu u anke commisions li ngħataw lil terzi persuni.

2:14pm – L-Avukat Joe Giglio qed isaqsi għan-nom ta’ rogress Press. Isaqsi dwar it-telf li soffriet il-kumpanija.

2:09pm – Mill-investigazzjoni ħareġ li l-flus li rċieva Vincent Buhagiar kienu biex id-deal tal-magni tat-Times jingħata lill-kumpanija ta’ Keith Schembri.

2:05pm – Qed ikun spjegat issa meta kien arrestat Buhagiar u l-ewwel dettalji li kien ta lill-pulizija. Qalilhom li kien irtira fl-2012 u kien jirċievi madwar 1,000Eur f’pensjoni iżda qal li baqa’ konsulent u li kien jaqla 1,000Eur oħrajn fix-xahar.

2:04pm – L-Ispettur jgħid li l-prezz tal-magni kien intefaħ biex minnu jagħmlu profitt numru ta’ persuni. Vince Buhagiar irċieva madwar 200,000 dollaru amerikan.

2:02pm – L-esperti qed iqisu dawn it-tranżazzjonijiet kollha bħala xibka li nħolqot għal tal-apposta biex terzi persuni jirċievu flejjes kbar li b’kollox jammontaw għal miljuni.

2:00pm – Vince Buhagiar irċieva eluf ta’ ewro mid-deal tal-magni tat-Times permezz ta’ kumpaniji off-shore.

1:59pm – Buhagiar u persuna oħra li fuq ordni tal-Qorti ma jistax jissemma’, permezz ta’ strutturi li nħolqu mill-kumpanija Nexia BT, kienu qed jirċievu numru ta’ fondi wara d-deal. Ħlasijiet li qed jitqiesu back-handers.

1:55pm – Jingħataw dettalji ta’ min igwadanja minn dan id-deal u l-ammonti ta’ flus li ħadu numru ta’ persuni. Fosthom li Vince Buhagiar irċieva 50,000Eur allegatament għal konsulenzi skont dokumenti li ħoloq Matthew Pace ta’ Zennith. Il-Pulizija pero ma sabet ebda provi ta’ konsulenzi li ngħataw.

1:53pm – Kif issemma wkoll b’mod kontinwu tul is-seduti tal-lum u tal-bieraħ, qed jissemmew numru ta’ dokumenti li nħolqu back-dated.

1:50pm – L-Ispettur qed jispjega li Vincent Buhagiar irċieva flus għal konsulenzi li ta. Jissemmew ukoll l-ismijiet ta’ Brian Tonna u Matthew Pace li kienu involuti f’ċertu dokumenti li ħarġu mill-proċess tax-xiri tal-magni u l-konsulenzi.

1:44pm – Qed ikunu spjegati dettalji dwar id-deal ta’ Progress Press li minnu sar profitt ta’ aktar minn 5 miljuni li tqassam bejn terzi persuni.

1:41pm – Vince Buhagiar huwa ex-direttur maniġerjali ta’ Allied Newspapers.

1:39pm – Jibda jixhed l-Ispettur Joseph Scerri.

1:38pm – Tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Buhagiar li kien l-unika persuna li ngħatat il-libertà proviżorja wara l-preżentata tas-Sibt li għadda meta tressqu l-Qorti 11-il persuna.

1:36pm – L-Avukat Joe Gilgio qed jidher bħala parte civile f’isem Progress Press.

1:35pm – Jasal fl-Awla Vince Buhagiar akkumpanjat mill-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili.

Vince Buhagiar jasal il-Qorti akkumpanjat mill-avukati tiegħu

1:01pm – Il-kawża fil-konfront ta’ Keith Schembri se tkompli t-Tnejn li ġej mis-1pm ‘il quddiem. Keith Schembri u l-imputati l-oħrajn ser jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

12:56pm – Għadha għaddejja diskujoni bejn iż-żewġ naħat dwar il-passi li jmiss. Botta u risposta bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża. Fost l-oħrajn id-difiża qed titlob li jkollha aċċess għal dokumenti li ħarġu mix-xhied tal-Ispettur.

12:49pm – B’hekk jidher illi t-talba għal-libertà proviżorja ta’ Keith Schembri, Alfio Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit se tkun deċiża nhar it-Tnejn li ġej.

12:47pm – L-Avukati issa talbu biex jingħataw kopja tar-recordings tax-xhieda tal-lum biexi kunu f’pożizzjoni li jagħmlu l-kontro-eżami tagħhom nhar it-Tnejn li ġej.

12:44pm – L-Avukat Edward Gatt f’isem id-difiża talab lill-Qorti sabiex ma tħarisx lejn it-talba tal-ħelsien mill-arrest fis-seduta tal-lum. Id-difiża ser titratta dan fi tmiem s-seduta ta’ nhar it-Tnejn li ġej. Dakinhar id-difiża bi ħsieba tagħmel il-kontroeżamijiet tal-Ispettur Xuereb u l-Ispettur Scerri.

12:41pm – Ix-xhieda tal-Ispettur Scerri tintemm hawnhekk.

12:33pm – Ix-xhieda tieqaf momentarjament għaliex l-Ispettur qed jidħol f’wisq dettall li xorta ser ikun rivedut tul il-proċess fil-ġimgħat li ġejjin. Mitlub ikun iktar konċiż.

12:21pm – Jintqal li l-pjan kien li Keith Schembri jirċievi madwar 200,000Eur fis-sena jekk il-proġett tal-maġni jirnexxa. Jidher li Malcolm Scerri kien ħa ħsieb ħafna affarijiet minn dan il-proġett.

12:18pm – Malcolm Scerri kien involut fid-disinn tal-proġett tal-printers ta’ Times of Malta.

12:11pm – L-Ispettur qed jispjega x’kien elevat waqt numru ta’ arresti li saru fl-aħħar ġimgħat. Fil-ħin li kien arrestat, Malcolm Scerri kien qed jipprattika l-isport tat-tennis. Malcolm Scerri wkoll għandu kontijiet fil-kumpanija Zenith.

12:09pm – Jidher li Keith Schembri rċieva somma mdaqqsa ta’ flus b’rabta mad-deal tax-xiri tal-magni.

12:08pm – L-esperti jgħidu li l-investigazzjoni tirriżulta għal każ ċar ta’ tixħim.

12:00pm – Jidħol fl-Awla wieħed mill-imputati, Vince Buhagiar iżda l-Maġistrat tordnalu biex joħroġ u jidħol lura meta tibda l-kumpilazzjoni fil-knfront tiegħu li jidher li se tibda għall-ħabta tas-1pm.

11:58am – L-Ispettur qed jispjega dettalji dwar off-shore companies, meta nħolqu, meta nħarrġu dokumenti tagħhom u meta għaddew flejjes bejnithom. Dak li l-Ispettur qed isejjaħ manuvri fil-konfront ta’ diversi kumpanji li wħud minnhom huma ta’ Keith Schembri.

11:56am – Kumpanija ħadet kuntratt ta’ xogħol li sar biex ikun hemm evażjoni tat-taxxa. Dan dejjem skont dak li ġie konkluż mill-esperti.

11:53am – L-Ispettur qed jispjega dettalji ta’ flus li għaddew bejn kumpanija u oħra fl-aħħar snin.

11:52am – Il-media terġa’ titħalla tidħol fl-Awla. Għadu qed jixhed L-Ispettur Joseph Scerri.

11:35am – Ix-xhieda se tkompli bil-magħluq.

11:32am – L-Ispettur jgħid li dik li suppost kellha tkun tranżazzjoni sempliċi spiċċat f’serje ta’ tranżazzjonijiet bejn diversi persuni differenti involuti fid-deal. Dan jidher li sar biex jinħbew commisions.

11:28am – L-esperti qalu li Progress Press ħallsu madwar 6 miljuni iktar minn dak pjanat.

11:26am – L-Ispettur jispjega li kien hemm numru ta’ dokumenti back-dated.

11:22am – Qed jingħataw ħafna dettalji ta’ flus li għaddew bejn il-kumpanija Kasco, Malmos, Zenith u Nexia BT. Jissemmew b’mod kontinwu l-ismijiet ta’ Keith Schembri u Brian Tonna, fost numru ta’ banek f’pajjiżi differrenti.

11:15am – Bejn Diċembru tal-2008 u 2010 il-kont ta’ Keith Schembri fl-Iżvizzera rċieva aktar minn 2miljuni. L-Ispettur qed jispjega dawn il-flus kif tqassmu.

11:12am – L-Ispettur jgħid li l-esperti kkonkludew li ċ-ċaqliq ta’ flus minn kumpaniji f’pajjiżi differenti u l-użu ta’ ħafna dokumenti, kien bi skop biex jinħbew il-profitti.

11:08am – L-Ispettur jispjega li t-tender għax-xiri tal-magni kien sar bi stedina u mhux tender miftuħ għal kulħadd.

11:06am – L-investigazzjoni saret dwar il-magni li xtraw Progress Press u Allied Newspapers. Kasco għamlet profitt ta’ $5 miljun profitt fuq id-deal. Il-profitti inqassmu bejn Schembri u terzi persuni.

11:04am – Jixhed l-Ispettur Joseph Scerri li kien involut fl-Investigazzjoni fl-aħħar xahar.

11:00am – Is-seduta se tkompli. Diskussjoni dwar min se jixhed issa.

10:46am – Is-seduta sospiza għal 10 minuti qabel tibda xhieda oħra.

10:45am – Ix-xhieda ta’ Annemarie Xuereb tintemm hawnhekk.

10:44am – L-Ispettur tgħid li Keith Schembri ikkopera fl-investigazzjonijiet kollha.

10:40am – L-Ispettur tgħid li instabet email ta’ Robert Zammit minn Kasco lil Brian Tonna, li kienet tgħid li Keith Schembri kellu jibqa jitħallas paga, billi jinħarġu ċekkijiet fuq Alfio Schembri (missier Kieth) biex imbgħad itihom lil Keith Schembri. Mistoqsi dwar dan, Keith Schembri saħaq li din ma kienetx paga imma donazzjoni minn missieru.

10:37am – L-Ispettur tkompli tispjega aktar stqarrijiet ta’ Keith Schembri u l-imputati l-oħrajn. Fost l-oħrajn Keith Schembri ma kienx sab id-dettalji dwar ħlasijiet ta’ konsulenzi.

10:36am – Jissemmew ukoll konsulenzi bejn Adrian Hillman u Keith Schembri. Il-ftehim għal dawn il-konsulenzi kien sar b’mod verbali.

10:34am – Kien spjegat illi Keith Schembri ħareġ mix-xena tan-negozju ftit wara għaliex sar Chief of Staff f’Kastilja.

10:32am – Kasco kienu taw loan lil Progress Press u l-ewwel sena kienet mingħajr interessi. Kellha titħallas f’temp ta’ erba’ snin iżda damet aktar.

10:29am – Keith Schembri kien jissuplixxi l-karti lil Progress Press u kien hemmek fejn Hillman kien saħaq li għandhom bżonn jixtru magni ġodda. Meta ħareġ it-tender għal dawn il-magni, t-tender kien intrebaħ mill-kumpanija ta’ Keith Schembri. L-fferta ta’ Kasco kienet l-irħas.

10:28am – Issa l-Ispettur qed titkellem dwar meta Keith Schembri kien mistoqsi dwar Adrian Hillman. Schembri kien spjega li kienu ħbieb, kien qal li Hillman huwa persuna valida ħafna u kien jgħinu f’diversi proġetti.

10:26am – L-Ispettur tispjega meta l-ewwel darba li kien mistoqsi mill-Pulizija missier Keith Schembri, Alfio, li jinsab hawnhekk fl-Awla.

10:24am – Il-pulizija jfakkru li Brian Tonna kien qal li talab il-flus m’għand Keith Schembri għax kellu problemi personali. Hu kien saħaq li uża’ l-flus biex jixtri affarijiet għal appartament li kien sejjer jgħix fih.

10:22am – Ix-xhieda terġa’ titwaqqaf għaliex qed jingħata ħafna dettal li diġa ħareġ il-bieraħ fil-Qorti.

10:18am – L-Ispettur qed tkompli tispjega d-dettalji fil-każ fosthom d-dati li l-imputati kienu mistoqsija mill-pulizija. Mhux biss l-imputati li hawn bħalissa fil-Qorti iżda l-persuni l-oħra kollha li kienu interrogati b’rabta ma’ dan il-każ.

10:12am – Il-Pulizija jispjegaw li Schembri rċieva somma flus fil-kont tiegħu tal-Bank Pilatus ftit jiem wara li l-kont spiċċa infetaħ. Kien innutat li għal numru ta mistoqsijiet li kien mistoqsi mill-Pulizija, Schembri irrefera lill-investigaturi għal dak li kein qal tul l-Inkjesta.

10:09am – Mistoqsi dwar il-loan li ta lil Brian Tonna, Schembri kien qal lill-Pulizija li kien diġa wieġeb fl-Inkjesta. Meta mistoqsi għalfejn fetaħ kont fil-Bank Pilatus u bank ieħor f’Malta, Schembri saħaq li xtaq ixerred il-flus bħala mod ta’ “financial-planning”. Schembri kien spjega li minħabba d-Due Dilligence tal-Bank Pilatus, il-kont infetaħ madwar xahrejn wara li hu għamel l-applikazzjoni.

10:08am – Qed ikun spjegat meta ttieħdet l-ewwel stqarrija tal-persuni kollha suspettati. Fejn l-Avukati kienu talbu biex jaraw il-konklużjoni tal-inkjesta.

10:07am – Mill-Uffċċju ta’ Keith Schembri kien elevat laptop u anke tower.

10:06am – Mir-residenza ġew elevati iPhone 11, iPhone X, Ipad Air 3rd Generation, Mackbook pro, Ipad, 9 USBs u karti li instabu fil-gwardarobba.

10:04am – Qed jingħataw dettalji dwar meta kien arrestat Keith Schembri b’rabta ma’ dan il-każ. Saret tfittxija fir-residenza tiegħu u Keith Schembri m’oġġezzjonax għal dan.

10:03am – Kollox reġa’ wieqaf minħabba oġġezzjonijiet dwar ix-xhieda li qed tingħata. L-Ispettur tintalab tmur għas-sugu tas-suġġett.

10:01am – Keith Schembri kellu żewġ kontijiet fil-Bank Pilatus. Fl-account fejn daħlu l-50,000Eur jidher li kien sar pagament minn Keith Schembri ta’ madwar 20,000Eur b’rabta ma shares fuq kumpanija off-shore.

9:58am – L-Ispettur tkompli tispjega għalfejn irriżulta li Brian Tonna ma kellux bżonn loan ta’ 100,000Eur m’għand Keith Schembri, għar-raġuni li ta. Il-loan allegatament tħalsset lura b’żewġ transfer ta’ 50,000Eur fl-2015.

9:55am – Mill-ġdid tkompli x-xhieda tal-Ispettur tal-Pulizija wara li l-Maġistrat talbet lill-Avukati fuq iż-żewġ naħat biex ma “jaħlux iktar ħin”

9:53am – L-Ispettur tispjega li qed tagħmel l-istess xhieda tal-bieraħ bil-Prosekuzzjoni tispjega li dan il-każ huwa bejn Keith Schembri u Brian Tonna u li għalhekk qed jissemmew dettalji ta’ Tonna u mhux biss ta’ Schembri.

9:52am – L-Avukati tad-Difiża qed jibqgħu joġġezzjonaw.

9:50am – L-Ispettur tal-Pulizija tkompli tispjega x’ħareġ mill-Inkjesta u fuq xix investigaw il-Pulizija. Fosthom dwar dokumenti back-dated.

9:47am – Ix-xhieda qed tieqaf b’mod kontinwu għaliex l-Avukati tad-difiża qed joġġezzjonaw għal ċertu dettalji li qed jingħataw. L-Ispettur tgħid li qed tkun konċiża kemm tista’ għax li kieku titkellem fuq kollox kieku ilha għadeja bix-xhieda mill-bieraħ.

9:45am – L-Ispettur qed tispjega li l-Inkjesta sabet żewġ transfers minn Willerby ta’ 50,000Eur għal għand Keith Schembri. Dan it-transfer sar mit-tliet partners ta’ Willerby konġunti u mhux m’għand Brian Tonna biss, għaliex, tgħid il-pulizija li, Brian Tonna seta’ ħallas minn kont personali għaliex fih kellu flus.

9:43am – L-Ispettur tgħid li fuq email li Brian Tonna kiteb lilu nnifsu kien hemm id-dokumenti tal-loan li taħ Keith Schembri.

9:41am – Il-Qorti tordna l-Ispettur biex tkompli tixhed billi sa fejn hu possibbli u mingħajr mal-istess depożizzjoni tisfa inkonsistenti, dak li qed tixhed huwa dak li rriżulta minn Inkjesta Maġisterjali.

9:38am – Il-prosekuzzjoni tgħid li l-Ispettur hija obbligata bil-liġi biex tagħti d-dettalji kollha.

9:35am – Il-Maġistrat qed tispjega li hemm bżonn tingħata overview sħiħa tal-każ.

9:33am – L-Avukat tad-difiża qed jgħid li l-Ispettur qed tirrakkonta dettalji fuq persuna li mhux qiegħed hawn. B’referenza għal Brian Tonna.

9:31am – Tul l-investigazzjoni, irriżulta li Keith Schmebri u Brian Tonna ma ftakrux meta għaddew il-flus u ma ftakrux dettalji oħrajn li talbu l-pulizija. Tonna kien iżomm kont ta’ kollox, anke meta jixtri xi ħaġa ta’ ftit flus iżda dettalji dwar din il-loan m’għand Keith Schebri ma kien żamm xejn.

9:27am – Kienet skattat investigazzjoni dwar is-self ta’ 100,000Eur li Keith Schembri ta lil Brian Tonna tramite l-Bank Pilatus. Dan fost aktar punti li ħarġu mill-Inkjesta li fuqhom għaddejja investigazzjoni.

9:23am – Qed ikun spjegat fuq xi kienet l-Inkjesta. Proċedura simili għal dik li assistejna lbieraħ fosthom dettalji dwar il-kumpanija Willerby, il-pagamenti tar-Russi u l-kontijiet fil-Bank Pilatus. L-Inkjesta kienet ikkonkludiet li ma kienetx kredibbli x-xhieda ta’ Keith Schembri u Brian Tonna fir-rigward tal-loan ta’ 100,000Eur li Schembri ta lil Tonna.

9:21am – Tibda tixhed l-Ispettur tal-Pulizija. Tispjega li l-investigazzjoni bdiet wara Inkjesta li talab l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

9:20am – Qed jidhru għall-imputati l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Ishmael Psaila.

9:19am – Tasal il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

9:14am – Keith Schembri, missieru Alfio, Malcolm Scerri u Robert Zammit jidħlu fl-Awla fost sigurtà mill-gwardjani tal-ħabs.

8:59am – Is-seduta sospiża għal 15-il minuta.

8:56am – Il-każ quddiem il-Qorti fil-konfront ta’ Matthew Pace u Lorraine Falzon, taħt akkuża, se jibda 27 ta’ April fit-8:30am.

8:53am – Il-Qorti tiddeċiedi li tibda kumpilazzjoni taħt att ta’ akkuża.

8:50am – Il-Qorti wara semgħet il-partijiet, wara li kellha l-okkażjoni tisma’ x-xhieda dettaljata tal-uffiċjali investigattivi spetturi Ian Camilleri u Leanne Bonello tiddeċiedi illi hemm raġunijiet biżżejed biex l-imputati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.

8:47am – Bħalissa l-Maġistrat qed taqra l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ Lorraine Falzon li huma simili ħafna għal dawk ta’ Matthew Pace. Madanakollu, id-depożitu għal-libertà hu dak ta’ 25,000Eur.

8:46am – Lorraine Falzon tingħata l-libertà proviżorja.

8:45am – Qed tittieħed deċiżjoni issa fuq il-ħelsien mill-arrest ta’ Lorraine Falzon.

8:44am – Qed jinqraw il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fosthom li Matthew Pace se jittieħidlu l-Passaport, il-liċenzja tal-karozza u l-karta tal-identità. Li jkun id-dar mhux iktar tard mit-8pm u ma joħroġx qabel 7am. Li jżomm 10metri bogħod minn kull port u ajruport fost lista sħiħa li tkompli. Il-libertà proviżorja ingħata fuq depożitu ta’ 40,000Eur.

8:42am – Matthew Pace jingħata l-libertà proviżorja.

8:41am – Deċiżjoni dwar Matthew Pace: Ittieħdet deċiżoni abbażi li l-imputat ikkordina mal-prosekzzjoni u mhemmx riskju li hu jaħrab mill-pajjiż.

8:40am – Il-Maġisrat qed tagħti d-deċiżjoni għall-ħelsien mill-arrest.

8:39am – L-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Ismael Psaila qed jidhru għal Matthew Pace u Lorraine Falzon li daħlu fl-Awla.

8:38am – L-Avukati tad-difiża u l-Prosekuzzjoni jinsabu hawnhekk.

8:37am – Kollox lest għas-seduta tal-lum. Tasal il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Dan is-sit se jkun qed jaġġorna LIVE mill-Qorti.

Hekk kif ilbieraħ assistejna għall-ewwel ġurnata ta’ kumpilazzjoni fil-konfront tal-11-il persuni li tressqu l-Qorti s-Sibt li għadda akkużati b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus u falsifikazzjoni, illum il-kumpilazzjoni tkompli, din id-darba fil-konfront tal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Qabel tibda s-seduta dwar Keith Schembri, missieru Alfio, Malcolm Scerri u Robert Zammit, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mistenni tieħu deċiżjoni dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Matthew Pace u Lorraine Falzon mill-kumpanija Zenith.

Ilbieraħ bdiet il-kumpilazzjoni ta’ Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u Katrin Bondin Carter mill-kumpanija Nexia BT.

L-akkużati kollha għandhom talba għall-ħelsien mill-arrest. It-talba ta’ Tonna, Cini, Castagna u Bondin Carter mistennija tittieħed deċiżjoni fuqha l-ġimgħa d-dieħla.

Illum jista’ jagħti l-każ li tkun diskussa t-talba għall-ħelsien ta’ Keith Schembri.

Dan is-sit se jkun qed jaġġorna LIVE mill-Qorti.