Lokali Qorti

Fil-Qorti żvelata “operazzjoni professjonali ta’ ħasil ta’ flus”

Manuvri ta’ ħasil ta’ flus, tixħim, konsulenzi qarrieqa, korruzzjoni u falsifikazzjoni – b’allegazzjoni serja li seħħet operazzjoni professjonali ta’ ħasil ta’ flus.

Provi wkoll illi kien hemm profitt ta’ 5.5 miljun dollaru Amerikan; flus kbar illi tqassmu bejn Keith Schembri u terzi persuni, b’rabta mad-deal tal-magni tat-Times – flus li għaddew minn pajjiżi u kumpaniji differenti.

Għall-magni, f’dan id-deal, Progress Press ħallsu 6 miljuni aktar milli kellhom iħallsu; flus li spiċċaw ħadu Schembri u persuni oħrajn.

Keith Schembri

Huma dawn l-aħħar rivelazzjonijiet xokkanti li ħarġu mix-xhieda tal-Pulizija fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri u persuni oħrajn.

L-esperti ddeskrivew il-manuvri ta’ Schembri u oħrajn bħala xibka professjonali ta’ kumpaniji u kontijiet off-shore magħmula apposta biex individwi jagħmlu profitt personali minn wara dahar kulħadd.

Skont ix-xhieda tal-pulizija fil-Qorti, l-investigazzjoni tagħhom sabet numru kbir ta’ dokumenti li inħolqu apposta biex iqarrqu u ma jurux dak li verament kien qed jiġri bejn Schembri, Malcolm Scerri tal-Kasco, Vince Buhagiar tat-Times u persuna oħra. Dokumenti li allegatament saru biex jinħbew commisions. Dokumenti li fihom kienu nvoluti Nexia BT u Zenith Finance.

L-esperti kkonkludew li ċ-ċaqliq ta’ flus minn kumpaniji f’pajjiżi differenti u l-użu ta’ ħafna dokumenti, kien bi skop biex jinħbew il-profitti.

Dan kollu, meta għadu biss il-bidu tal-kumpilazzjoni fil-konfront tal-eks Chief of Staff ta’ Kastilja, Keith Schembri u numru ta’ persuni qrib tiegħu fosthom Brian Tonna u Karl Cini.

Karl Cini

Għat-tieni ġurnata fil-Qorti, reġgħu ssemmew manuvri oħrajn li fihom hemm involut Keith Schembri; fosthom self ta’ 100,000 ewro lil Brian Tonna li skont il-pulizija ma kellux bżonn u self ta’ miljun ewro lit-Times.

Jerġa’ jissemma’ wkoll li nstabet email ta’ Robert Zammit minn Kasco lil Brian Tonna, li kienet tgħid li Keith Schembri kellu jibqa jitħallas paga mill-kumpanija. Dan billi jinħarġu ċekkijiet f’isem missier Keith, Alfio Schembri biex imbgħad itihom lil Keith Schembri. Mistoqsi dwar dan, Keith Schembri saħaq li din ma kienetx paga imma sempliċiment donazzjoni minn missieru. Bil-pulizija tfakkar li l-email kienet tgħid mod ieħor.

Malcolm Scerri

Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini u l-oħrajn għandhom talba għall-ħelsien mill-arrest pendenti li deċiżjoni fuqha mistennija tittieħed fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.

Intant, qabel bdiet is-seduta, il-Magistrat Donatella Frendo Dimech tat il-libertà provizorja lil żewg persuni oħra li wkoll kienu tressqu l-Qorti s-Sibt – Lorraine Falzon u Matthew Pace, eks Diretturi tal-kumpanija Zenith Finance.

Matthew Pace

Falzon u Pace ingħataw il-helsien mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet iebsin. Huma gew ordnati jħallsu depożitu ta’ 65,000 ewro u garanzija personali ta’ 100,000 ewro. Il-każ ta’ Pace u Falzon se jkompli fis-27 t’April li ġej, kif l-istess se jiġri bil-każ ta’ Vince Buhagiar.

Vince Buhagiar

Ritratti: Joseph Galea

Dan is-sit dalgħodu kien LIVE mill-Qorti.