Futbol Sport

Franza u l-Ingilterra jitilfu fl-ewwel partiti tagħhom

(Ritratt: EPA)

Hekk kif matul il-jum tal-Ħamis tkomplew il-partiti mill-fażi tal-gruppi tal-finali tal-Kampjonati Ewropej li qed isiru fl-Ungerija u fl-Islovenja, daħlu fl-azzjoni l-Ingilterra u Franza fost l-oħrajn.

Fi Grupp D it-tim nazzjonali Ingliż ta’ taħt il-21 sena tilef 1-0 kontra l-Iżvizzera fejn minkejja li numru ta’ players jilgħabu b’mod regolari fil-Premier League u fiċ-Championship, it-tim Ingliż sab diffikultà li jsib ix-xibka. Il-gowl deċiżiv wasal fit-78 minuta meta minn pass ta’ Katriot Imeri, kien DAN NDOYE li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Ramsdale għal 1-0.

Fl-istess grupp, il-Protugall wieħed mit-timijiet favoriti li jirbħu daw il-kampjonati Ewropej għelbu lil Kroazja 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal fis-68 minuta meta minn pass preċiż ta’ Dany Mota, kien FABIO VIEIRA li waħdu mal-gowlkiper għamilhom 1-0.

Fi Grupp Ċ, Franza kienu megħluba mid-Danimarka 1-0, fejn minkejja d-dominanza li kellhom Franza naqsu milli japprofittaw mill-opportunitajiet ta’ skor li ħolqu. L-unika azzjoni perikoluża lejn il-lasti li ħolqu d-Danimarka sarrfet f’gowl hekk kif fil-75 minuta kien ANDERS DREYER li kkonkluda mill-viċin għal 1-0, bid-Daniżi jagħrfu jassorbu l-pressjoni tat-tim Franċiż.

F’partita oħra mill-istess grupp, ir-Russja bdew dan it-tournament bl-aktar mod konvinċenti meta għelbu lil Iżlanda 4-1. It-tim Russu fetaħ l-iskor wara 31 minuta permezz ta’ penalty mogħti u skorjat minn FEDOR CHALOV. Fit-42 minuta, r-Russja rduppjaw permezz ta’ NAYAIR TIKNIZYAN, biex fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem l-ewwel taqsima, ARSEN ZAKHARYAN għamilhom 3-0. Ir-Russja għamlu l-iskor 4-0 fit-53 minuta permezz ta’ DENIS MAKAROV, bl-Iżlanda jiskorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fid-59 minuta permezz ta’ SVEINN ARON GUDJOHNSEN.

Il-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena jitkomplew is-Sibt b’partiti minn Grupp A u B qabel, bil-kwartifinali, semifinali u l-finali ta’ dawn il-Kampjonati jintlagħabu f’Ġunju li ġej.

KAMPJONAT EWROPEJ TA’ TAĦT 21 SENA

Għada: Grupp A: Ungerija v Rumanija 6.00pm, Ġermanja v Olanda 9.00pm Grupp B: Slovenja v Repubblika Ċeka 6.00pm, Spanja v Itlaja 9.00pm