Lokali

Il-Knisja Kattolika tfakkar lil Marija Addolorata

F’pajjiżna tfakkar Jum id-Duluri…. ġurnata meqjusa bħala jum ta’ devozzjoni kbira ghall-poplu kollu.

Net News żar il-Bażilka tal-Mosta fejn Fr Brendan Gatt għaddielna l-ħsibijiet tiegħu f’din il-ġurnata ta’ riflessjoni. Hu spjegalna kif Maria Addolorata…. għalkemm kellha qalba maqsuma bit-tbatija tara lil binha jsofri… xorta baqgħet kurraġġuża.

Sa minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, id-devoti Nsara Maltin ta’ kull sena f’dan il-jum joħorġu bi ħġarhom biex jimxu wara l-vara ta’ Marija Addolorata.

Il-purċissjonijiet issoltu jiġbdu lejhom folol ta’ devoti … inkluz nies hafja… biex iwettqu l-wegħdi tagħhom. Iżda għat-tieni sena konsekuttiva, dawn il-purċissjonijiet kellhom jitħassru bħala parti mir-restrizzjonijiet sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-coronavirus.

Jingħad li din it-tifkira tad-Duluri bdiet fis-Seklu XV fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne. Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna. L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Ghaxaq fl-1684. Fil-Belt Valletta nsibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765, filwaqt li fil-Mosta twaqqfet fl-1886.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jibdew uffiċjalment nhar il-Ħadd li ġej, bil-festa ta’ Ħadd il-Palm. Il-ġimgħa d-dieħla imbagħad isiru ċ-ċerimonji fil-knejjes marbuta ma’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira – il-jum li jfakkar fil-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.