Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsilliera tal-PN jappellaw għall-informazzjoni dwar il-proġett tal-Pont Pedonali fi Triq il-Wied f’B’Kara

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara permezz ta’ stqarrija jinnotaw il-proposta mressqa minn Infrastructure Malta biex jinbena pont pedonali fi Triq il-Knisja l-Qadima li jaqsam Triq il-Wied f’Birkirkara u r-reazzjoni tar-residenti Karkariżi wara li dan kien żvelat fil-midja indipendenti. (PA/01681/21)

Permezz ta’ mozzjoni mressqa mill-Minority Leader Justin Schembri, ssekondata minn Antoine Attard bl-appoġġ tal-Kunsillieri John Mizzi, Marie Claire Zammit u Francis Pullicino, il-Kunsillieri tal-PN qegħdin jitolbu sabiex il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara jżomm lill-Kunsillieri Lokali kollha, lir-residenti, lill-għaqdiet lokali, lill-NGOs interessati u lill-pubbliku b’mod ġenerali informati, notfikati u aġġornati bl-informazzjoni kollha possibbli flimkien ma’ dokumentazzjoni studjata sabiex il-proġett isir biss jekk kemm-il darba jkun fl-aħjar interess tar-residenti, tal-awtentiċita’ kulturali ta’ Birkirkara u l-interess pubbliku b’mod ġenerali. Huma qed jinsistu li ssir laqgħa pubblika organizzata mill-Kunsill Lokali bil-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha interessati fil-proġett propost filwaqt li jenfasizzaw l-importanza li l-Kunsill Lokali jirreġistra ruħu mal-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti interessata f’dan il-proġett sabiex ikun jista’ jsemma’ leħnu wara li jieħu pożizzjoni formali f’waħda mil-laqgħat tal-Kunsill Lokali.

Il-Kunsillieri Lokali tal-PN f’Birkirkara jagħrfu l-importanza li dan il-proġett jingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa biex fl-istess waqt ir-residenti jkunu infurmati dwar l-iżviluppi kollha u jingħataw il-possibbilta’ li jieħdu pożizzjoni huma wkoll.