L-inċident bil-bastiment Ever Given li bħalissa qed jagħlaq rotta ta’ baħar kruċjali fil-Kanal ta’ Suez hu kalkulat li qed iżomm it-trasport – kuljum — tal-ekwivalenti ta’ 9.6 biljun dollaru f’kunsinni ta’ prodotti.
L-MV Ever Given – vapur mega container tal-linja marittima Tajwaniża Evergeen Marine u li jbaħħar taħt bandiera tal-Panama — hu fost l-aktar bastimenti fid-dinja li huma attrezzati għall-ġarr ta’ kunsinni.
Il-bastiment inkalja fil-Kanal nhar il-Ħamis fost irwiefen u maltempata tar-ramel. Il-fatt li issa jinsab wieqaf f’dik iz-zona ta’ baħar partikulari qed jaffettwa ħażin ħafna t-trasport mill-istess rotta ewlenija għall-kummerċ bejn ir-reġjuni tal-lvant u l-punent.
L-inċident ifisser ukoll li qed jintilef l-ekwivalenti ta’ 400 miljun dollaru fis-siegħa f’kummerċ minn dik ir-rotta. Minkejja l-isforzi ddisprati li għaddejjin bħalissa, l-esperti jemmnu li jistgħu jgħaddu l-ġimgħat sakemm il-bastiment jinqala’ minn fejn qiegħed wara li spiċċa ‘daqlikieku ankrat mal-qigħ’.
Il-bastiment inkwistjoni għandu t-tul ta’ erba’ grawnds tal-futbol u jiżen mal-200,000 tunnellata. Dan waqt li kapaċi jġorr massimu ta’ 20,000 kontejner.
Intant, qed jiżdiedu l-bastimenti fiz-zona ta’ baħar fejn l-Ever Given qed jagħlaq l-aċċess mill-Kanal ta’ Suez. Skont id-data ta’ Lloyd’s List li tipprovdi l-aħħar aħbarijiet u informazzjoni dwar is-settur tal-bastimenti, fl-aħħar sigħat kien hemm ‘il fuq minn 160 vapur, fosthom tankers taż-żejt, ‘jistennew’ man-naħa l-oħra tal-kanal fejn inkalja l-Ever Given.
Dan meta mat-12 fil-mija mit-total tal-kummerċ globali s-soltu jgħaddi minn dan il-Kanal li jissepara l-Afrika mil-Lvant Nofsani u l-Asja.
//= $special ?>