Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali ordnat li s-sidien tal-każin tal-banda De Paule ta’ Raħal Ġdid jingħataw kumpens ta’ €74,000.
Dan wara li l-Imħallef Grazio Mercieca fis-sentenza tiegħu tenna li ġew miksura d-drittijiet fundamentali tas-sidien li l-valur tal-propjetà tiegħu tlaħħaq iż-żewġ miljun ewro
Kollox jindika li emendi fil-liġi li saru aktar minn sentejn ilu ġabu taħwida sħiħa bejn propjetà iu oħra u fil-fatt f’Diċembru li għadda l-Qorti Kostituzzjonali qalet li emenda legali introdotta fl-2018 iżda applikabbli retroattivament, li effettivament ċaħdet lis-sidien id-dritt li jkeċċu l-każini tal-banda tal-kerrejja meta dawn naqsu milli jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-kirja, tikser id-drittijiet fundamentali
Din id-deċiżjoni importanti kienet ingħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti f’referenza kostituzzjonali dwar saga ġudizzjarja li bdiet aktar minn 12-il sena ilu meta s-sidien tal-bini ta’ Tas-Sliema li jospitaw il-każin tal-banda Stella Maris, bdew proċeduri quddiem Bord tal-Kera.
Il-kawża fuq il-każin De Paule saret minn Peter Paul Lanzon u Geoffrey Zarb Adami li assumew il-kawża wara l-mewt tas-sid Geoffrey Zarb Adami u martu Tanya Zarb Adami u membri oħra tal-familja. Il-kawża saret konta l-istess każin u l-Avukat tal-Istat.
Mill-fatti ħareġ li l-proprjetarji ta’ dar prominenti fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, li tinsab 118-120, fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid ilha mikrija snin twal lis-Soċjetà Filarmonika G.M. Fra Antoine de Paule. Din qed tintuża’ bħala każin b’kera ta’ €1,048.22 (Lm450) fis-sena pagabbli kull tliet xhur bil-quddiem.
Fl-10 ta’ Dicembru 1998, is-sidien rrikorrew lill-Bord li jirregola l-kera u talbu li jiġu awtoriżżati jieħdu fil-pussess tagħhom il-fond tagħhom wara li l-każin tal-banda għamel diversi alterazzjonijiet strutturali fil-fond bi ksur tal-kondizzjonijiet tal-lokazzjoni u mingħajr il-permess tas-sidien.
Il-Bord li Jirregola -kera laqa’ t-talba tar-rikorrenti u awtorżżahom jieħdu lura l-pussess tal-propjetà tagħhom, u għall-fini ta’ żgumbrament ġie ffissat terminu ta’ 30 jum mid-data tad-deċiżjoni.
Id-deċiżjoni tal-Bord li jirregola l-kera ġiet ikkonfermata b’sentenza tal-Qorti tal-Appell tat-23 ta’ April 2018 fejn kien ġie ordnat l-iżgumbrament mill-fond mhux iktar tard minn Settembru tal-2018.
L-emendi li daħlu fil-liġi biddlu dan ix-xenarju u li dan ifisser li l-każin għandu jkun intitolat li jkompli jokkupa l-fond taħt titolu ta’ kera u kundizzjonijiet differenti, fosthom li l-kera tista titla’ tammonta għal 10 darbiet l-ammont ta’ kera preżenti.
Il-Qorti qalet li l-intervent leġislattiv ġab fix-xejn is-sentenza tal-Qorti tal-Appell u s-sidien ma jistgħux jinqdew bis-sentenza sabiex jieħdu lura pussess tal-fond tagħhom kif għandhom id-dritt li jagħmlu skont is-sentenza tal-Qorti.
Dan kollu jikkostitwixxi vjolazzjoni ċara tad-dritt ta’ smigħ xieraq fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropeja kif interpretat mill-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Id-dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq protett mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropeja jinkludi l-aspettattiva leġittima li deċiżjoni finali ta’ qorti tkun rispettata u għaldaqstant implimentata.
Dawn il-principji taċ-ċertezza legali u tal-finalitàta’ sentenzi huma fil-fatt rekwiżiti essenzjali u bażiċi ta’ socjeta` demokratika mfassla fuq s-saltna tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri. Il-Qorti qalet li ma jirriżultax li ġie miksur l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. L-Istati Membri, nkluża Malta, huma obbligati li jagħtu rimedju f’każ ta’ ksur ta’ jedd fundamentali.
F’dan il-każ, skont ir-rapport tal-perit gudizzjarju, il-fond tal-każin għandu potenzjal kummerċjali u l-valurr fis-suq tiegħu huwa ta’ €1,800,000 u valur ta’kera li jlaħħaq is-€66,000 fis-sena u skont il-Perit Michael Falzon din għandha valur fis-suq ta’ €1,984,000 b’kerha ta’ €99,200 fis-sena.
Is-sidien ilmentaw li l-liġi tapplika biss għall-każini tal-banda u mhux għall-każini kollha. Il-fatt li kategoriji differenti ta’ sitwazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti ma jfissirx li jkun hemm diskriminazzjoni. Biex ikun hemm diskriminazzjoni, irid ikollok trattament differenti għal persuni fl-isess kategorija.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha ikkundannat lill-Avukat tal-Istat ihallas is-somma ta’ €74,000 ddanni sofferti mis-sidine bil-fatt illi ma setgħux jipproċedu bl-iżgumbrament bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
Il-Qorti qalet li l-Istat ta’ Malta jista’ jkollu raġunijiet validi l-għala jagħżel li jitratta l-każini tal-banda b’mod differnti minn każini oħrajn. Din is-sentenza tikkonferma li l-emendi li saru suppost kellhom iġibu lis-sidien ta’ propjetà fuq livell wieħed.
Dan aktar u aktar wara l-emendi li daħlu dan l-aħħar li jagħtu aktar drittijiet lis-sidien fil-konfront tal-inkwilini, fejn ħafna kienu nkwetati li jistgħu jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Mhux kontestat li s-sidien għandhom id-dritt li jieħdu lura jew jikru l-propjetà tagħhom skont il-prezzijiet tas-suq preżenti u fil-fatt f’Diċembru li għadda l-Prim Imħallef Mark Chetcuti kien qal li din l-emenda legali introdotta fl-2018, iżda applikabbli retroattivament tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
//= $special ?>