Fl–aħħar tislima lil Ramiro Mallia li tilef ħajtu ftit tal-jiem ilu, Fr Reno Muscat iddeskriva liż-żagħżugħ Qormi bħala ġuvni altruist ferm, li dejjem ried jgħin u bħala ġuvni bieżel ħafna.
Fl-omelija waqt il-quddiesa fil-Knsija Kolleġjata Arċimatriċi ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi Fr Reno qal li din kienet ċelebrazzjoni tal-vjaġġ tal-ħajja ta’ Ramiro, li minkejja li ma kienx vjaġġ twil ħafna, kien vjaġġ li b’xi mod laqqgħu ma’ dawk li kienu preżenti fil-Knisja llum.
Huwa ddeskriva lil Ramiro bħala ġuvni li kien sabiħ ħafna minn barra, imma ħafna u ħafna isbaħ minn ġewwa.
Il-Quddiesa tal-funeral ta’ Ramiro saret skont il-protokolli tas-saħħa b’rabta mal-pandemija. b’numru limitat ta’ persuni li setgħu jidħlu ġewwa fil-maqdes, b’oħrajn isegwu l-quddiesa minn fuq iz-zuntier.
Bosta minn dawk li kienu preżenti kienu lebsin flokkijiet ta’ Puttinu Cares u oħrajn b’messaġi ta’ kuraġġ marbuta mal-marda tal-kanċer.
Ramiro, li huwa stess kien fieq mill-marda tal-leuchemia, marda li kienet ħakmitu ta’ età tenera, kien qatta’ s-snin jgħin lil Puttinu Cares u fondazzjonijiet oħra.
Fr Reno fakkar kif Ramiro kien dejjem edukat u rispettuż u fakkar f’meta ż-żagħżugġ, li kien Milanist, kien jitkellem dwar football ma’ persuni li jissapportjaw timiiet oħra, u kif hu kien dejjem jagħmel dan b’rispett kbir.
Huwa appella liż-żagħżagħ li kienu jaħdmu ma’ Ramiro fuq proġetti ta’ karità biex ikomplu b’dak li beda hu u biex ma jieqfux hawn.
//= $special ?>