Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs kull wieħed għall-koppja fuq għadd ta’ serqiet

Mara ta’ 28 sena u raġel ta’ 35 sena nstabu ħatja mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace u ġew kundannati erba’ snin ħabs kull wieħed fuq għadd ta’ serqiet li wettqu lura fl-2013 fil-Kalkara u ż-Żejtun. Iż-żewġ persuni nstabu ħatja li serqu vetturi u għodod, fost affarijiet oħra.

Stephen Borg residenti Birkirkara u Antonella Vella, residenti l-Fgura nstabu ħatja li fid-29 ta’ Marzu 2013 filgħaxija fil-Kalkara,
serqu ta’ vettura tal-marka Isuzu Gemini, liema serq huwa aggravat bl-ammont li jeċċedi l-€232.94 izda ma jeċċedix €2,329.37 u li għamlu ħsara fl-istess karozza.

Instabu ħatja wkoll li fil-lejl bejn id-29 ta’ Marzu u it-30 ta’ Marzu
2013 minn garaxx fiż-Żejtun, serqu mutur Yamaha TY80 u diversi ammonti ta’ għodda, liema serq huwa aggravat bl-ammont li jeċċedi l-€2,329.37, bil-mezz, bil-ħin u bix-xorta tal-ħaġa misruqa li sar ghad-detriment ta’
diversi persuni.

Instabu ħatja wkoll li għamlu ħsara f’bieb ta’ garaxx fiż-Żejtun, liema ħsarat huma ta’ aktar minn €116.47 għad-dannu ta’ diversi persuni, u lieman reat ma seħħx minħabba xi ħaġa ndipendenti u aċċidentali mil-volontà tagħhom liema attentat huwa aggravat bl-ammont li jeċċedi l-€2,329.37, bil-mezz, bil-hin u bix-xorta tal-haġa misruqa.

Wara li l-Qorti eżaminat il-provi kollha migjuba jirriżulta li l-Imputati kienu twaqqfu wara ftit li kienet insterqet il-vettura, u kif xehdu l-uffiċali tal-Pulizja, huma taw verżjonijiet fażulli. Waħda minnhom li l-vettura misruqa kienet ingħatat lilhom b’self minn raġel mhux magħruf minnhom, u aktar, b’ċavetta mbagħbsa li nstabet miksura fl-ignition tal-vettura sabiex tigi taqbel ma’ ignition ta’ vettura oħra u tħaddimha.

Il-Qorti eżaminat l-istqarrijiet tal-imputati fejn fl-istqarrija tiegħu, Borg ammetta li l-vettura tal-marka Mercedes, li l-Pulizija ħadet fil-pussess taghha fil-preżenza tal-istess Imputat “ftit sieghat ilu” (wara li giet irrapurtata s-serqa minn Triq Tal-Kleru, l-Fgura kienet tiegħu) u dan iktar jikkonvincċi lill- Qorti li l-imputati serqu l-vettura minkejja li kellhom vettura oħra.

Minn dokumenti ufficjali ta’ Transport Malta rriżulta li l-vettura tal-marka Isuzu Gemini Saloon bin-numru tar-reġistrazzjoni tagħha kienet irreġistrata f’isem persuna oħra.

Fir-rapport tieghu, il-Perit tekniku Joseph Zammit jikkonkludi li “din ic-ċavetta ma hiex ċavetta ta’ xi marka ta’ xi vettura iżda hija waħda imbagħbsa b’illimar u dan sabiex tiġi magħmula tiffittja u tiftaħ lock li ma hux tagħha.”

U, “dan it-tbagħbis u llimar tant dghajjef liċ-ċavetta li din inqasmet u weħlet fil-lock.” Biex wettaq il-funzzjoni mogħtija lilu minn din il-Qorti l-espert tekniku kellu jżarma l-istess steering lock / ignition switch system.

Dwar serq tal-mutur u ghodod u ħsara fuq ħwejjeħ ħaddieħor, hu ppruvat ukoll l-isgass tal-garaxx fi Triq Sir Paul Boffa, ż-Żejtun, is-serqa li saret fl-istess lejl tal-għodod mill-garaxx stante li l-għodod misruqa nstabu fil-vettura li kienet insterqet mill-Kalkara.

Il-Qorti straħett fuq ix-xhieda tas-sidien tal-garaxx u tal-għodda li wkoll identifikaw dawn il-ħwejjeġ. Rigward il-mutur Yamaha li ma nstabx fil-garaxx, izda, ma nġiebet ebda dokumentazzjoni uffiċjali ħlief id-deskrizzjoni maghmula minn sidu.

Il-Qorti tinnota li l-imputat Stephen Borg ghandu l-fedina penali
kkulurita izda fl-akkużi mhux car f’liema ċirkostanzi Stephen Borg u
Antonella Vella huma reċidivi.

Ghal dawn il-mottivi l-koppja nstabu ħatja u ġew ikkundannati
komplessivament għal erba’ snin priġunerija kull wieħed. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Fabian Fleri.