Futbol Sport

It-tim Malti qed juri li kapaċi jilgħab il-futbol – Bjorn Vassallo, President tal-MFA

F’Trnava hekk kif jinsab jakkumpanja lit-tim Malti għall-partita kontra l-Islovakkja, f’kummenti mas-sit tal-Malta Football Association, il-President tat-tim nazzjonali Malti Bjorn Vassallo qal li jinsab sodisfatt bil-progress li t-tim nazzjonali Malti għamel taħt it-tmexxija tal-kowċ Devis Mangia.

Il-President tal-MFA żied jgħid li huwa ta’ pjaċir li tara lit-tim Malti jilgħab futbol sabieħ u modern.

“Il-mod ta’ kif qed ninżlu għal-logħob, fejn qed nuru aktar kuraġġ, personalità u mod differenti ta’ kif nilgħabu, juri li dan hu biss il-bidu ta’ din it-triq twila”, żied jgħid Vassallo.

Bjorn Vassallo enfasizza wkoll l-importanza li t-timijiet nazzjonali jkollhom l-istess filosofija ta’ logħob hekk kif dan se jkun possibli permezz tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol li se tkun qed tagħti prijortà l-iżvilupp taż-żgħażagħ.

Għall-futur, l-MFA qed tippjana li taħt sabiex itejjeb ir-riżultati fil-grawnd kif ukoll se tkun qed tagħti importanza lill-qasam tal-governanza, bl-għan tal-MFA jkun li l-assoċjazzjoni tkun waħda kredibbli. Vassallo għalaq billi qal li f’dawn it-18-il xahar li ilu President tal-MFA affaċja bosta sfidi fosthom dik tal-pandemija u qal li jaspira li l-prijoritajiet imnedija fl-istrateġija jkun intlaħqu sal-2024.