Ekonomija Lokali

Tħassib kbir mill-kumpaniji tal-Gaming; jitolbu azzjoni immedjata għax “il-liġi l-istess għal kulħadd”

Fl-aħħar ftit snin, u b’mod partikolari fl-aħħar xhur u ġimgħat, dak li ħareġ fil-media, l-akkużi varji inkluż akkużi kriminali, kellhom impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-industrija tal-iGaming f’pajjiżna kemm b’mod dirett kif ukoll b’mod indirett.

Numru ta’ persuni b’karigi politiċi importanti kif ukoll uffiċjali għolja f’oqsma regolatorji ġew implikati f’reati, b’uħud minnhom saħansitra akkużati li kkonfoffaw ma’ għadd ta’ negozjanti kbar.

Fi stqarrija bla preċedent maħruġa mill-membri kollha tal-IGen f’Malta, in-network li jirrappreżenta s-settur tal-gaming, dawn il-kumpanji saħqu li l-aġir tal-ftit qed iħalli effett negattiv fuq din it-tieni l-akbar industrija f’Malta – industrija li tirrappreżenta 13% tal-GDP tal-pajjiż.

L-aġir ta’ dawn il-ftit qed jiirriżulta fi spejjeż akbar għal dawn il-kumpaniji, kumplikazzjonijiet ġodda fl-operat tagħhom, telf ta’negozju u ħsara kbira lir-reputazzjoni.

Fi stqarrija maħruġa fl-aħħar ħin, l-industrija tal-iGaming qed tibqa’ kommessa lejn Malta u qed twiegħed is-sostenn kontinwu u sħiħ fl-investigazzjoni ta’ dawn ir-rapporti u allegazzjonijiet. L-industrija qed tkompli tisħaq dwar il-bżonn urġenti ta’ azzjoni ċara u deċiżiva sabiex ikun żgurat li ssir ġustizzja u li dawk ħatja jieħdu dak kollu li ħaqqhom skont il-liġi.

Il-kumpaniji f’din l-industrija awguraw suċċess lil pajjiżna fl-eżitu tat-test tal-Moneyval.

Numru ta’ kumpaniji f’dan il-qasam ikkundannaw kull att ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u frodi u tennew il-bżonn ta’ investigazzjonijiet trasparenti u metikolużi sabiex individwi, kumpanij u rappreżentanti f’pożizzjonijiet influewenti li huma involuti f’reati ta’ dan it-tip jitneħħew minn dawn il-pożizzjonijiet.

Il-kumpaniji filwaqt li esprimew sodisfazzjon li l-istituzzjonijeit relevanti bdew jieħdu azzjoni, insistew li għad fadal ħafna xi jsir. Enrico Bradamante, f’isem il-kumpaniji kbar b’dan il-qasam, qal li kull min hu involut f’korruzzjoni u tixħim għandu jwieġeb għall-aġir tiegħu u jrid jingħata messaġġ ċar li juri li l-liġi tapplika għal kulħadd ‘mingħajr biża u favuri’.