L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) issospendiet il-liċenzja bħala operatur finanzjarju tal-kumpanija Zenith, li fil-passat kienet MFSP, ftit sigħat wara li żewġ Diretturi tal-kumpanija – Matthew Pace u Lorraine Falzon – ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara akkużi ta’ ħasil ta’ flus.
Flimkien mal-kumpanija nnifisha, Pace u Falzon kienu fost dawk li tressqu quddiem il-Qorti s-Sibt li għadda. Il-każ jitratta l-allegat tixħim li jinkludi lill-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri u l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman, fost oħrajn.
Fi stqarrija, l-MFSA ħabbret li ordnat lil Zenith biex ma tibqax taċċetta klijenti ġodda jew tipprovdi servizzi lil klijenti eżistenti tagħha. Dan filwaqt li jieqfu milli jwettqu tranżazzjonijiet minn kontijiet li hemm fihom flus il-klijenti u jaraw li ma jitħassar, jinħeba jew jitbagħbas l-ebda dokument bl-ebda mod possibbli.
L-MFSA ħatret lill-Accountant u Awditur Stephen Paris biex jara li jkunu salvagwardjati l-interessi tal-klijenti u l-investituri, partikolarment wara li l-Awtorità kienet infurmata li Matthew Pace u Lorraine Falzon irriżenjaw mit-tmexxija tal-kumpanija.
Fl-istqarrija tagħha, l-MFSA esprimiet ukoll solidarjetà mal-klijenti u l-investituri ta’ Zenith għat-tħassib tagħhom u għalhekk wegħditilhom protezzjoni u monitoraġġ tas-sitwazzjoni.