Mill-istess Grupp tat-tim Malti, r-Russja kisbet it-tieni rebħa minn daqstant partiti hekk kif għelbu lill-Islovejna 2-1. Doppjetta ta’ ARTEM DZYUBA fis-26 u fil-32 minuta fetħu vantaġġ doppju għat-tim Russu biex minut wara gowl ta’ JOSIP ILICIC daħħal lit-tim Sloven fil-partita fejn minkejja dan ir-Russja għarfu jiddefendu l-iskor sat-tmiem.
Wara t-telfa kontra Slovenja, l-Kroazja kisbu l-ewwel rebħa fi Grupp H meta għelbu lil Ċipru 1-0. Il-gowl deċiżiv f’dan il-konfront wasal fl-40 minuta permezz ta’ MARIO PASALIC li kkonkluda minn cross minn fuq il-lemin. F’din il-partita l-Kroat Luka Modric lagħab il-135 partita tiegħu biex b’hekk sar l-aktar player li qatt lagħab għal Kroazja.
L-Olanda kisbu wkoll l-ewwel rebħa tagħhom fi Grupp G meta għelbu lil Latvja 2-0. L-Olanda fetħu l-iskor wara 32 minuta meta minn pass ta’ Klassen, hu għadda lejn STEVEN BERGHUIS li b’konklużjoni mill-isbaħ għamilhom 1-0. It-tim Olandiż kellu jistenna sat-tieni taqsima biex għalaq il-partita, meta kien fid-69 minuta li minn corner ta’ Depay, kien LUUK DE JONG li għamilhom 2-0.
It-Turkija komplew bil-bidu pożittiv tagħhom meta barra minn darhom kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq in-Norveġja. OZAN TUFAN fetaħ l-iskor wara biss erba’ minuti, biex id-difensur CAGLAR SOYUNCU rdoppja fit-28 minuta b’daqqa ta’ ras tajba. It-Torok għalqu l-partita fid-59 minuta meta TUFAN skorja t-tieni gowl tiegħu. Lejn it-tmiem in-Norveġja temmew jilgħabu b’għaxar players meta tkeċċa Kristian Thorstvedt.
Minn Grupp A, s-Serbja kisbu punt importanti hekk kif temmew fi draw ta’ 2-2 kontra l-Portugall. DIOGO JOTA fetaħ l-iskor għall-Portugall wara 11-il minuta, bl-istess player jirdoppja fis-36 minuta. Ir-rimonta tas-Serbja bdiet minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima permezz ta’ ALEKSANDAR MITROVIC. Il-gowl tad-draw wasal mas-siegħa logħob permezz ta’ FILIP KOSTIC. Is-Serbja temmew il-konfront bi player anqas meta tkeċċa Nikola Milenkovic.
Il-Belġju kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 barra minn darhom kontra r-Repubblika Ċeka. LUAKS PROVOD fetaħ l-iskor fil-50 minuta għar-Repubblika Ċeka, biex ROMELU LUKAKU salva punt għal Belġju b’gowl fis-60 minuta.
FAŻI TA’ KWALIFIKAZZJONI TAZZA TAD-DINJA 2022
Ilbieraħ: GRUPP A: Irlanda v Lussemburgu 0-1, Serbja v Portugall 2-2 GRUPP E: Belarus v Estonja 4-2, R. Ċeka v Belġju 1-1 GRUPP G: Montenegro v Ġibiltà 4-1, Olanda v Latvja 2-0, Norveġja v Turkija 0-3 GRUPP H: Russja v Slovenja 2-1, Kroazja v Ċipru 1-0, Slovakkja v Malta 2-2 Għada: GRUPP B: Ġorġja v Spanja 6.00pm, Kossovo v Żvezja 8.45pm GRUPP Ċ: Bulgarija v Italja 8.45pm, Żvizzera v Litwanja 8.45pm GRUPP D: Kazakhstan v Franza 3.00pm, Ukranja v Fillandja 8.45pm GRUPP F: Danimarka v Moldova 6.00pm, Awstrija v Gżejjer Faroe 8.45pm, Iżrael v Skozzja 8.45pm GRUPP I: Albanija v Ingilterra 6.00pm, Polonja v Andorra 8.45pm, San Marino v Ungerija 8.45pm GRUPP J: Armenja v Iżlanda 6.00pm, Maċedonja v Liechtenstein 8.45pm, Rumanija v Ġermanja 8.45pm
//= $special ?>