Raġel ta’ 35 sena weħel sena ħabs wara li nstab ħati li kien involut f’serqa armata minn spiżerija f’Ħal Qormi flimkien ma raġel ieħor l-għada tal-Milied tal-2018.
L-akkużat, Wayne Delia kellu akkużi ta’ sekwestru ta’ spiżjara u żewġ tobba, u saħansitra hold-up ieħor u sekwestru ta’ persuna minn ħanut ta’ dulċier f’Raħal Ġdid. Għall-aħħar hold-up, l-akkużat ma nstabx ħati ta’ dawn l-akkużi.
Fil-Qorti instema’ kif żewġt irġiel daħlu b’wiċċhom mgħammad u b’pistola f’idejhom ippuntata lejn l-ispiżjara li kienet appik li tgħalaq. Hekk kif wieħed mill-irġiel beda jipprova jieħodilha l-baskett tagħha, l-ispiżjara bdiet tgħajjat għall-għajnuna, bit-tobba joħorġu mill-klinika.
Finalment, iż-żewġt irġiel qatgħu qalbhom u ħarbu minn fuq il-post, b’wieħed mit-tobba ħareġ mill-binja u ħa nota tal-għamla tal-karozza tal-irġiel.
Fil-Qorti ntqal ukoll li l-irġiel kienu jabbużaw mid-droga flimkien filwaqt li l-pistola li ntużat kienet waħda tal-plastik.

