Coronavirus Internazzjonali

Wales se jiftaħ għat-turiżmu fi żmien l-Għid

Għall-ewwel darba minn Diċembru ‘l hawn tneħħew ir-restrizzjonijiet relatati mal-ivvjaġġar f’Wales. Dan filwaqt li sitt persuni minn żewġt idjar differenti jistgħu jiltaqgħu u jagħmlu l-eżerċizzju fuq barra.

Dan qed isir biex bil-mod il-mod, l-industrija tat-turiżmu tingħata l-ispinta meħtieġa matul il-vaganzi tal-Għid wara d-daqqa tal-pandemija.

Madankollu, minkejja li għadd ta’ miżuri ġew riveduti, l-awtoritajiet xorta qed jibqgħu jisħqu li għandhom jiġu rrispettati r-restirzzjonijiet li għadhom fis-seħħ.

B’kuntrast, fl-Italja, qed jingħad li l-miżuri ta’ bħalissa se jinżammu żgur sa Mejju. Dan għaliex l-awtoritajiet irreaġixxew tard għat-tielet mewġa tal-pandemija.

Il-Gvern Taljan qed jistinka kemm jiflaħ biex iwaqqaf it-tixrid tal-Covid-19, bl-għan li fi ftit tal-jiem oħra … possibbilment … jerġa’ jiftaħ l-iskejjel.

U fil-Ġermanja, l-awtoritajiet tas-saħħa wissew li t-tielet mewġa tal-Covid-19 tista’ tħalli l-agħar riperkussjoni li l-pajjiż qatt esperjenza. Fil-fatt, qed ikun imbassar li l-każijiet pożittivi kapaċi jitilgħu għal 100,000 kuljum.

Fl-aħħar żviluppi, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini – l-EMA – approvat siti ġodda fil-Ġermanja, l-Olanda u l-Iżvizzera fejn il-vaċċin tal-Covid-19 jista’ jiġi prodott.

Permezz ta’ dawn is-siti, se jkunu qed iżidu l-manifattura tal-vaċċini fl-Unjoni Ewropea, hekk kif il-pajjiżi qed jesperjenzaw nuqqas kbir.