Lokali

Bdiet il-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista

Illum, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, se tittella’ Maratona Ġbir ta’ Fondi bit-tema “Paġna Ġdida għal pajjiżna”. Attività importanti għall-ħidma tal-Partit, partikolarment fid-dawl tal-infieq meħtieġ biex iwassal aktar il-messaġġ tiegħu fost il-poplu.

Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi, li se tibda f’2pm, se ssir ukoll fid-dell tal-avvenimenti li żviluppaw fl-aħħar jiem, bl-arrest fost l-oħrajn tal-eks Chief of Staff f’Kastilja, u anke l-ewwel waħda li se tħares lejn l-elezzjoni ġenerali, mistennija fix-xhur li ġejjin.

F’kumment lil NET News, it-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista Mario Ellul spjega li għall-Partit, l-għajnuna ta’ kulħadd hi importanti biex jissaħħaħ u jkun Gvern Alternattiv. Dan anke b’xiri ta’ apparat u sehem aktar attiv fil-media soċjali.

It-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif din hi biss mod wieħed kif il-poplu jista’ jgħin finanzjarjament. Dan hekk kif wieħed jista’ jinvesti wkoll fil-Partit bl-iskema taċ-Ċedoli, li għadha miftuħa.

Il-Maratona ta’ għada se ssir b’ħarsien tar-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija li qed ngħixu fiha bħalissa. U min jixtieq jgħin jista’ jagħmel dan billi jċempel jew jibgħat SMS, kif ukoll online mis-sit elettroniku pn.org.mt/donazzjoni.

Wieħed jista’ wkoll jikkuntattja lil xi membru tal-Kumitat Sezzjonali tal-lokalità tiegħu.