Internazzjonali

Covid-19: Il-Gvern Britanniku mħeġġeġ biex jaqsam il-vaċċini mal-ifqar pajjiżi

Numru ta’ gruppi karitatevoli qed iħeġġu biex il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson ‘jikkjarifika mill-aktar fis’ kemm il-doża tal-vaċċin ( kontra l-Covid-19) għandu jagħti pajjiżu lill-Istati foqra u sotto-żviluppati.

Il-gruppi Save the Children u Wellcome Trust huma fost l-entitajiet ta’ fejda li qed jinsistu biex ir-Renju Unit jibda d-donazzjonijiet tal-vaċċin lill-Istati inkwistjoni permezz tal-iskema Covax. Il-pajjiżi foqra li l-aktar probabbli li jirċievu l-ewwel vaċċini permezz tal-Covax huma l-Afganistan, il-Haiti, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Etjopja u s-Somalja.

Is-Segretarju tal-Kultura Britanniku, Oliver Dowden, qal , intant, li r-Renju Unit, fil-preżent mgħandux ‘surplus’ ta’ vaċċini. Madankollu, il-Gvern Britanniku, ladarba jasal f’dan il-punt, beħsiebu jibda jqassam id-dożi lill-aktar pajjiżi fil-bżonn.

Ir-Renju Unit sa mill-bidunett tal-kriżi implimenta blueprint ( pjan) biex jindirizza l-pandemija mill-aktar fis u li bdiet tagħti l-frott fl-aħħar ġimgħat. Fil-fatt, il-Gvern Britanniku ordna mal-400 miljun doża tal-vaċċin u mistenni li jkollu ħafna dożi ‘żejda’ ladarba jikkonkludi l-impenji tat-tilqim.

Sallum ‘il fuq minn 29 miljun adult fir-Renju Unit ingħataw l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-coronavirus.

Intant, Oliver Dowden qal li l-vaċċin tal-Moderna għandu jibda jitqassam fir-Renju Unit mix-xahar id-dieħel u meta esprima fiduċja li l-Ingilterra għaddiet ‘mill-aħħar lockdown’. Madankollu, il-Professur Stephen Powis, li hu d-direttur mediku ewlieni mal-NHS England, wissa biex in-nies jibqgħu attenti ‘biex ma jitilfux il-kisbiet li saru s’issa fil-ġlieda kontra l-virus’.

L-Ingilterra, fis-sigħat li jmiss, se tnaqqas ir-restrizzjonijiet għal-laqgħat pubbliċi u l-isport, bis-Segretarju Dowden jinsab fiduċjuż li r-Renju Unit, fil-bidu tas-sajf, ikun anki f’pożizzjoni biex jospita ‘l-aqwa fażi’ tal-Kampjonati tal-Futbol Ewropej.

Fi żviluppi oħra, il-Polonja rappurtat viċin it-30,000 każi ġodda tal-coronavirus – jiġifieri żieda ta’ 34 fil-mija fuq il-każi ta’ ġimgħa ilu fil-pajjiż.

Intant, Facebook iffriża l-paġna tal-President tal-Veneżwela Nicolas Maduro wara li hu insista – mingħajr ma preżenta l-provi – li l-Covid jista’ jitfejjaq bl-użu tal-pjanti bi kwalitajiet mediċinali.