Slovakkja 2 – 2 Malta
It-tim nazzjonali ta’ Devis Mangia qed ikompli jissorprendi u jagħtina gost insegwuħ. Fuq kollox, dan it-tim qed jagħti prova li kull riżultat li ksibna f’dawn l-aħħar xhur, ma kienux ko-inċidenza iżda frott strateġija u pjan ta’ ħidma li qed jagħti r-riżultati mixtieqa. F’Trnava, Malta temmet draw ta’ 2-2 kontra s-Slovakkja; avversarji li mhux biss huma aktar ikwotati mit-tim nazzjonali tagħna, iżda fis-sajf li ġej se jkun qed jilgħab fil-fażi finali tal-Ewro 2021 u attwalment jinsab fl-34 post fir-rankings tal-FIFA.
Dak tal-lejla kien draw storiku. Dak tal-lejla kien riżultat li se jibqa’ imfakkar bħala fost l-aqwa li qatt ksibna. Iva, għadna għalfejn inkunu kburin bit-tim nazzjonali tagħna. Lagħbna kontra r-Russja u tlifna 3-1 iżda stajna ksibna dro. Tliet t’ijiem wara, lagħbna barra minn xtutna kontra s-Slovakkja, konna qed nirbħu 2-0 u ksibna dro ta’ 2-2. Kieku l-bieraħ ħriġna b’rebħa wara 90 minuta tassew missielta, ma konna nkunu sraqna xejn.
M’hemmx dubju, dan id-draw hu konferma tal-mixja konsistenti li jinsab miexi fiha dan it-tim tal-kowċ bravu Taljan, Devis Mangia. Dan il-kowċ, flimkien mal-istaff tekniku tiegħu, qed jirnexxilhom ibiddlu l-kultura, iżda fuq kollox f’qasir żmien qed iġibu riżultati li rari għexna jew rajna mit-tim nazzjonali ta’ pajjiżna.
L-ewwel punt għal Malta f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni
Fit-tieni partita fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2022, Malta rebħet l-ewwel punt tagħha kontra s-Slovakkja; pajjiż li qatt qabel ma kien irnexxilna nirbħu punt kontra tiegħu f’partita kompetittiva. Kien riżultat meritat u li jagħtina kuraġġ li nistgħu nkomplu noħolmu għal aktar riżultati sbieħ u suċċessi oħra fiż-żmien li ġej, u li forsi qatt qabel ma konna nimmaġinaw jew inbassru. Fl-ewwel taqsima morna minn fuq b’żewġ gowls, iżda kmieni fit-tieni 45 minuta, sfortunatament erġajna konna traskurati u wettaqna żbalji fil-markaturi tagħna, u f’azzjonijiet ta’ set pieces konna eratiċi, b’konsegwenza li soffrejna l-gowls li permezz tagħhom stajna biss niksbu u nikkuntentaw bi dro.
Mill-partita ta’ tliet t’ijiem qabel kontra r-Russja f’Ta’Qali, Mangia żamm l-istess modulu tattiku, dak ta’ 3-4-2-1 iżda wettaq bidliet mill-aħħar formazzjoni tal-ewwel ħdax. Fid-difiża, captain Andrei Agius ċeda postu għat-Taljan, b’ċittadinanza Maltija li kient mogħtija lilu skont il-mertu, Enrico Pepe. B’Agius fuq il-bank, il-faxxa ta’ captain kienet mgħoddija lil Steve Borg.
Erba’ bidliet minn Mangia mill-formazzjoni preċidenti ta’ kontra r-Russja
It-tliet bidliet l-oħra minn Mangia kienu fl-attakk. Teddy Teuma kien irtirat għal nofs il-grawnd, u ħa post Bjorn Kristensen. Il-captain ta’ Hibernians ma kienx inkluż fil-formazzjoni inizjali, l-istess bħall Jurgen Degabriele u Luke Montebello. B’hekk, it-tlieta ta’ quddiem f’Trnava kienu ‘lkoll mibdula mill-partita preċidenti.
L-attakkanti żgħażagħ ta’ Sliema Wanderers u Birkirkara rispettivament, Alex Satariano u Paul Mbong ingħataw fiduċja minn Mangia biex jibdew sa mill-ewwel minuta, wara li dawn it-tnejn kienu daħlu fil-bidu tat-tieni taqsima kontra r-Russja, u kellhom sehem importanti fit-trasformazzjoni tal-iskwadra Maltija fit-tieni 45 minuta tal-logħba. Magħhom kien inkluż mill-ġdid fl-iskwadra, il-midfielder ta’ Newport County, fil-League Two tal-Ingilterra, Luke Gambin. M’hemmx dubju, dawn il-bidliet, partkolarment dawk fl-attakk, kienu parti mill-fattur li wittew it-triq għar-riżultat li rnexxilna niksbu l-bieraħ.
Il-pressjoni fuq l-avversarji tagħna biex jiżguraw l-ewwel rebħa tagħhom fil-grupp, f’din il-partita, kienet kbira u evidenti, speċjalment wara d-dro diżappuntanti ta’ mingħajr gowls fil-konfront li lagħbu f’Nicosia, nhar l-Erbgħa li għadda kontra Ċipru. Il-kowċ Slovakk, Stefan Tarkovič biddel is-sistema tattika tal-iskwadra minn 4-3-3 għal 4-1-4-1, bl-attakkant veteran, Michal Ďuriš reġa’ irritorna mal-ewwel ħdax, bħala l-attakkant waħdini, fis-sistema offensiva Slovakka.
Bidu tal-partita | Slovakkja dominanti fl-ewwel kwarta logħob
L-atteġġament Slovakk fil-bidu tal-partita kien espressiv biżżejjed biex wieħed jifhem li f’dahrom, l-avversarji tagħna kienu deċiżi li jiksbu xejn inqas minn tliet punti. Tant u hekk li fl-ewwel kwarta logħob, is-Slovakki rnexxilhom juru s-superjoritá tagħhom fuq il-Maltin, fejn kellhom aktar minn 60% tal-pussess tal-ballun iżda naqqsu milli jagħtu valur lil dan il-perċentwal għaliex irnexxilhom joħolqu biss azzjoni waħda ta’ skor, wara tmien minuti logħob. Kienet azzjoni ta’ corner, ballun fil-kaxxa għand Duris, iżda bir-ras l-attakkant ta’ Omonia Nicosia xeħet għoli.
F’temp ta’ tliet minuti, il-Maltin jgħixu ħolma bħal qatt qabel
Sa dan il-ħin, il-Maltin konna aktar passivi għalkemm xorta waħda organiżżati u attenti li ma nwetqu ebda żball bikri fil-konfront. Iżda kif fuq l-arlogg, skorrew l-ewwel 15-il minuta tal-partita, il-Maltin f’temp ta’ tliet minuti għamilna dak li rari jew qatt ma rajnihom jagħmlu tul l-istorja ta’ partiti internazzjonali. Skorjajna darbtejn u fiż-żewġ azzjonijiet konna kapaċi niskorjaw gowls mill-isbaħ. Fis-16-il minuta, Joseph Mbong minn fuq ix-xellug ta lejn LUKE GAMBIN, li wara li ġibed lejn in-nofs, minn tarf il-kaxxa xeħet konklużżjoni fir-rokna tal-lasta difiża mill-gowlkiper Dušan Kuciak biex Malta morna fil-vantaġġ. Kien gowl li ħasad lit-tim Slovakk. Doċċa kiesħa għat-tim li kien qed jilgħab f’dahru u bidu mill-aqwa għall-Maltin.
Iżda l-eżultanza tal-Maltin kienet għadha se tilħaq kulminu għola, għaliex tliet minuti wara, il-plejers tagħna reġgħu skorjaw. Din id-darba kienet azzjoni minn fuq il-faxxa l-oħra ta’ minn fejn sar l-ewwel gowl. Minn fuq il-lemin, Ryan Camenzuli avvanza mal-linja u xeħet cross preċiż għal fuq iż-żagħżugħ SATARIANO li fil-kaxxa u bir-ras, b’mod spettakolari xeħet fix-xibka għat-tieni gowl tal-Maltin.
Kienu tliet minuti tassew uniċi fl-istorja tat-tim nazzjonali Malti. Ma niftakar qatt li bħala Malti u partitarju tat-tim nazzjonali tagħna, għext emozzjoni daqstant eċitanti u mill-isbaħ, speċjalment f’logħba li konna qed nilgħabu lilhinn minn xtutna, kontra avversraji aħjar minha u f’partita kompetittiva. Emozzjoni unika, li anke jekk kont qed insegwiha permezz tat-televiżjoni, fraħt daqs kemm kieku fraħna kieku konna fiżikament preżenti fl-istadium.
Malta b’żewġ gowls vantaġġ. Is-Slovakki mifxula
Is-Slovakkja kienet mifxula. Qatt f’mitt sena ma kienu qed ibassru dan it-tip ta’ xenarju. Il-pressjoni fuqhom komplit tikber u b’żewġ gowls żvantaġġ kontra Malta wara biss ftit ħin mill-bidu tal-konfront, fisser li riedu jagħmlu reazzjoni mingħajr telf ta’ żmien. Fil-fatt, tmieni minuti wara t-tieni gowl Malti, is-Slovakki marru viċin il-gowl meta f’ażżjoni ta’ kontra-attakk, Martin Valjent għadda through-ball lejn Duris, li iżda dan tal-aħħar ikkonkluda barra.
Tmiem l-ewwel taqsima fissret emozzjoni unika għall-Maltin. Dħalna nistriħu b’żewġ gowls minn fuq. Qatt ma konna qed noħolmu li konna se ntemmu l-ewwel 45 minuta b’dan il-mod, iżda irnexxilna u r-riżultat sa dak il-ħin fil-partita kien wieħed meritat u ġust.
Bidu tat-tieni taqsima | Bidu diffiċli u tqil għall-Maltin
Iżda kif mistenni l-bidu tat-tieni taqsuma kienet se tkun il-bidu ta’ 45 minuta diffiċli u intensi li s-Slovakki kienu se jimponu fuq il-plejers tagħna , bit-tama li jdawru l-iskor u jsalvaw xi ħaġa minn din il-logħba.
Fil-fatt, dak li bdejna nibżgħu li setgħa jseħħ, effettivament seħħ f’temp ta’ tmien minuti. Il-plejers ta’ Tarkovič ħarġu motivati u sfortunatament skorjaw l-ewwel gowl tagħhom, fid-49 minuta. Kienet azzjoni ta’ free-kick, li ħolqot inċerteza fid-difiża Maltija, il-plejers tagħna naqsu milli ttarju l-periku meta l-ballun kien fil-kaxxa, u mill-viċin, DAVID STRELEC tefa’ wara Bonello b’daqqa ta’ ras li permezz tagħha s-Slovakkja naqqsu l-iskor għal 2-1.
Dan kien il-gowl li l-Maltin konna beżgħna li stajna nsorfru. Stajna evitajna iżda ma rnexxilnix nagħmlu dan. Jgħaddu erba’ minuti minn wara dan il-gowl, u l-avversarji tagħna komplew jagħfsu għal gowl tad-dro. Rebħu corner, ballun fil-kaxxa difiża mill-Maltin, ħadd ma jtajjar, u bir-ras, għal darb’oħra b’konklużżjoni mill-viċin, jerġgħu jiskorjaw. Din id-darba l-iskorer Slovakk kien id-difensur ta’ Inter fl-Italja, MILAN SKRINIAR. Gowl li mess il-qlub tal-Maltin. Gowl li nissel diżappunt iżda le, ma konnix se narmu x-xugamann.
Wara ż-żewġ gowls Slovakki, Malta tibqa’ organiżżata
Fil-55 minuta, Camenzuli xeħet kross ieħor tajjeb fuq ras Satariano, biż-żagħżugħ ta’ 19-il sena jgħola tajjeb mal-captain Slovakk, Juraj Kucka u l-eks plejer ta’ St. Andrews kien sfortunat li t-tentattiv tiegħu għadda barra bi żbrixx.
Fis-60 minuta, Teuma kien deċiż li salva gowl ċert tas-Slovakkja, meta salva minn fuq il-linja, konklużżjoni b’saħħitha tal-attakkant ta’ 21 sena ta’ Feyenoord, Robert Boženík. Dan kien iċ-ċans li b’xorti tajba ma kienx imsarraf mill-avversarji, sabiex wara li kienu 2-0 minn taħt imorru fil-vantaġġ.
Malta konna taħt pressjoni u s-Slovakki kienu l-aħjar tim fil-grawnd. It-tliet bidliet li l-avversarji tagħna kienu għamlu sa dak il-ħin fil-partita kienu effettivi u nisslu grinta u entużjażmu ġdid, b’detrement fuq il-Maltin.
L-aħħar ħinijiet tal-logħba | Bqajna pożittivi u stajna ksibna rebħa
Madankollu l-plejers ta’ Mangia baqgħu jittamaw. Bqajna pożittivi, minkejja li konna taħt pressjoni u kwarta mit-tmiem tal-logħba, f’temp ta’ żewġ minuti, kelna żewġ azzjonijiet tajba ta’ skor li iżda konna mmaċħda mill-gowl tal-vantaġġ, mill-gowlkiper Kuciak, l-ewwel fuq xutt tas-sostitut Jake Grech u wara fuq konklużżjoni oħra simili ta’ Kyrian Nwoko. Indubjament, dawn iż-żewġ okkazzjonijiet kienu prova tal-pożittivitá fil-mod ta’ kif il-plejers taħt it-tmexxija ta’ Mangia qed jilgħabu, fejn anke meta konna taħt pressjoni u mhux l-aħjar tim fil-pitch, xorta waħda għarafna nkunu kreattivi u avventurużi fi tfittxija tal-gowl tar-rebħa.
Il-Maltin konna kapaċi nassorbu l-pressjoni kollha sal-aħħar tad-90 minuta u bil-merti kollha tagħna, irnexxilna niksbu dro ta’ 2-2 u li hu wieħed storiku fl-istorja tat-tim nazzjonali. Riżultat li jagħtina kuraġġ akbar biex minn Trnava, issa mmorru Rijeka, u nhar it-Tlieta li ġej nilgħabu kontra l-Kroazja b’tama li nkomplu nissorprendu u noħolmu kbir.
Veru każ li dan it-tim qed jagħtina eċitament li qatt qabel ma għexna għat-tim nazzjonali tagħna. Fuq kollox, veru każ li kif qal aktar kmieni din il-ġimgħa l-kowċ nazzjonali Mangia, jekk iridu li nkomplu naraw lit-tim nazzjonali tagħna jagħti dawn it-tip ta’ prestazzjonijiet f’dan il-livell, iżda wisq aktar riżultati sbieħ bħal dan ta’ kontra s-Slovakkja, ma jistax ikun li jkolna l-futbol f’pajjiżna wieqaf, minħabba l-COVID-19. Il-pajjiż li għandu l-uniku Kampjonat fid-dinja wieqaf, bħala restrizzjoni għat-tixrid tal-COVID-19, illejla kiseb l-aktar riżultat sorprendenti tal-ġurnata.
Grazzi lit-tim kollu. Ejjew inżommu din il-mixja pożittiva ħajja.
Slovakkja | 12 Dušan Kuciak, 4 Martin Valjent, 6 Ján Greguš, 13 Patrik Hrošovský, 14 Milan Škriniar, 16 Dávid Hancko (39 min 2 Jakub Holúbek), 17 Tomáš Suslov (72 min 10 Albert Rusnák), 19 Juraj Kucka (46 min 8 David Strelec), 20 Róbert Mak, 21 Michal Ďuriš (46 min 9 Robert Boženík), 22 Martin Koscelník
Malta | 1 Henry Bonello, 2 Kurt Shaw, 3 Ryan Camenzuli, 4 Steve Borg, 6 Matthew Guillaumier, 7 Joseph Mbong, 11 Paul Mbong (68 min 9 Kyrian Nwoko), 13 Enrico Pepe, 17 Teddy Teuma, 20 Luke Gambin (68 min 8 Jake Grech), 23 Alexander Satariano (79 min 10 Steve Pisani)
Referee | Harald Lechner (Awstrija)
Karti sofor | 23 min Ryan Camenzuli (Malta), 40 min Michal Ďuriš (Slovakkja), 54 min Martin Koscelník (Slovakkja), 85 min Henry Bonello (Malta)
Skorjaw | 16-il min Luke Gambin (Malta), 19-il min Alex Satariano (Malta), 49 min David Strelec (Slovakkja), 53 min Milan Škriniar (Slovakkja)
//= $special ?>