Lokali

“Investiment li permezz tiegħu tkun qed tinvesti f’dak li verament jixraqlu l-pajjiż”

Intervistat waqt il-maratona ġbir ta’ fondi bit-tema ‘Paġna Ġdida għal Pajjiżna’ is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech stqarr li “il-kriminalità ħakmet parti sew mill-Partit Laburista,” qal li s-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha mhux sitwazzjoni normali meta qed nesperjenzaw aħbar iktar xokkanti minn oħra b’mod regolari.

Francis Zammit Dimech saħaq li ma jixtieqx li jgħix f’pajjiż fejn kuljum nisimgħu b’aħbar iktar xokkanti minn oħra, għaliex “dan mhux il-pajjiż li jistħoqlu l-poplu Malti.” Hu sellem lil-Laburisti ġenwini li qed jersqu lejn il-PN għaliex verament iridu paġna ġdida għal pajjiżna. Is-Segretarju Ġenerali appella biex kulħadd ikun parti minn dan il-proċess ta’ tiġdid fi ħdan il-PN. Hu stqarr li l-PN qed jissaħħaħ imma għandu bżonn aktar nies li jkunu parti minn dan il-proċess, “investiment li permezz tiegħu tkun qed tinvesti f’Malta u f’dak li verament jixraqlu l-pajjiż.”

Is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv Michael Piccinino, qal li l-ħidma tal-partit tiddependi fuq in-nies fl-istrutturi tal-partit. “Dawn jirrapreżentaw l-aspirazzjonijiet tan-nies fil-lokalitajiet. In-nies jagħtu kas ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna u allura jħarrsu lejn il-PN biex jagħti ċans ta’ paġna ġdida għal pajjiżna.” Hu fakkar li l-PN qed jibqa’ joħroġ ħafna proposti biex verament jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

Michael Piccinino għamel l-appell tiegħu fejn saħaq li sabiex il-PN iwassal il-messaġġ tiegħu għandu bżonn l-għajnuna tan-nies. Hu saħaq li kulħadd għandu setturi li huma għal qalbu u appella lil kulħadd biex jersaq lejn il-partit u jagħti l-proposti.