Il-Ħadd filgħodu ġew mħabbra iktar restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19.
Minn għada, it-Tnejn, 29 ta’ Marzu 2021, se tiġi riveduta l-lista ta’ pajjiżi taż-żona amber biex il-pajjiżi kollha li s’issa huma fiż-żona l-ħadra jiżdiedu ma’ din il-lista.
B’hekk kull vjaġġatur li jasal f’Malta minn kwalunkwe pajjiż ieħor se jkun rikjest jippreżenta PCR COVID-19 test negattiv magħmul mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tiegħu f’Malta. Persuni li jonqsu milli jipproduċu dan it-test jistgħu jkunu sottomessi għall-ittestjar f’Malta u jistgħu jkunu soġġetti għall-kwarantina.
Titjir minn pajjiżi fiż-żona l-ħamra se jibqa’ projbit għajr għal vjaġġi ta’ ripatrijazzjoni.
Dan filwaqt li min-nhar l-Erbgħa, 31 ta’ Marzu 2021, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi spazji pubbliċi se jonqos minn 4 persuni għal 2 persuni. Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.
Dan ifisser li fi spazji pubbliċi, gruppi ta’ aktar minn 2 persuni għandhom ikunu projbiti, inkluż fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom.
Persuni li jiksru din il-miżura ser ikunu soġġetti għal multa ta’ €300 kull persuna.
Dawn il-miżuri japplikaw sal-11 t’April 2021.
//= $special ?>