Il-Prim Ministru Robert Abela għandu babilonja sħiħa fil-Kabinett tal-Ministri, b’Ministri jagħmlu li jridu, ma jsegwu l-ebda kodiċi ta’ dixxiplina jew etika – fi ftit kliem lil Robert Abela ma jikkalkulawhx.
Il-gazzetta il-mument illum żvelat kif każ ċar hu dak ta’ tliet Ministeri jiffunzjonaw minn Għawdex. Xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel.
Hemm il-Ministeru għal Għawdex fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat minn fejn ilu jiffunzjona għal għexieren ta’ snin u bil-Ministru Clint Camilleri jippilota x-xogħol minnu.
Hemm l-Uffiċċji f’binja fi Triq it-Tiġrija fir-Rabat minn fejn il-Ministru Anton Refalo qed jagħżel li jaħdem flok joqgħod jaqsam lejn Malta spiss fil-binja proprja tal-Ministeru tiegħu fi Triq il-Fran, fil-Belt Valletta.
Hemm ukoll il-binja b’uffiċċji l-ġodda fir-Rabat Għawdex li qed isservi bħala fergħa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni minn fejn spiss il-Ministru Justyne Caruana taħdem u sservi flok toqgħod taqsam lejn il-Ministeru proprju fil-Floriana.
L-għażla ta’ Anton Refalo u Justyne Caruana li jaħdmu minn Għawdex stess hi direttament marbuta mal-elettorat Għawdxi għaliex ħaġa bħal din – anki jekk qed tiswa flejjes kbar f’kirjiet tal-uffiċċji u spazji – tħallihom viċin l-Għawdxin waqt li tiffrankalhom it-traġitti lejn Malta.
Iżda moħbi wara dan kollu hi t-telqa li teżisti fost uħud minn dawn il-Ministri li mhux biss jagħmlu ta’ rashom, iżda qed iwasslu messaġġi li m’għadhomx tassew interessati fix-xogħol, iżda għandhom prijoritajiet oħra.
Kurjuża ħafna l-istqarrija maħruġa mill-Koperattiva tas-Sajd Malta li tirrappreżenta lill-maġġoranza tas-sajjieda ż-żgħar li ftit tal-jiem ilu stqarret li l-industrija tas-sajd hi mifnija bi problemi serji iżda l-Ministru qed joqgħod fuq pariri żbaljati.

Filwaqt li semmiet, fost l-oħrajn, il-problemi relatati mas-sajd għal-lampuki u l-problemi li s-sajjieda ffaċċjaw meta konfrontati minn sajjieda Tuneżini, u filwaqt li semmiet ukoll il-kwistjoni tal-kwota tat-tonn, il-Koperattiva tas-Sajd Malta qalet li ilha bosta xhur tistenna appuntament mal-Ministru biex tiddiskuti temi delikati li qed jiffaċċjaw is-sajjieda llum… iżda sa issa dan l-appuntament għadu ma wasalx!
Dan in-nuqqas ta’ interess jidher li qed japplika wkoll għall-Ministru Justyne Caruana li minn ftit tax-xhur ‘l hawn jidher li għandha prijoritajiet oħra ferm aktar importanti mill-ħidma li suppost twettaq bħala Ministru għall-Edukazzjoni.

Dak li kien żvelat din il-ġimgħa minn In-Nazzjon u li se jkompli jkun żvelat fil-jiem li ġejjin, jitfa’ bozza ħamra fuq kemm l-operat ta’ Justyne Caruana hu wieħed korrett… bil-problema tkompli tikber hekk kif f’ċerti abbużi ta’ poter jidher li hemm imdeffes ukoll is-Segretarju Permanenti Frank Fabri li saħansitra ffirma għal ċerti affarijiet.
Kemm Anton Refalo kif ukoll Justyne Caruana qed jifqgħu lill-Ministeri tagħhom bl-għoti ta’ impjiegi lil Għawdxin… naturalment bit-tama li dawn iservu ta’ investiment meta tasal l-Elezzjoni Ġenerali.
Dan kollu qed jurta bis-sħiħ lill-Ministru Clint Camilleri li qed jara lil dawn iż-żewġ suppost kollegi tiegħu jneħħulu t-tapit minn taħt riġlejh.

L-inkwiet tal-Partit Laburista f’Għawdex hu tort direttament tal-Prim Ministru, mhux sod, Robert Abela li ma għarafx iżomm ir-riedni sa mill-ewwel ġurnata u ħalla lil kulħadd jagħmel li jrid. Meta qatt kienet fl-istorja ta’ pajjiżna li Għawdex ikollu tliet Ministri bi tliet Ministeri mwaqqfa f’Għawdex?
Hu sigriet magħruf li l-ħsara lil xulxin bejn Clint Camilleri, Anton Refalo u Justyne Camilleri hi kbira ħafna. “Joqtlu għal kull vot,” kienet l-espressjoni li sors ta’ il-mument f’Għawdex qalilna. Sadattant il-Prim Ministru la darba ħalla l-ħabel jaħrablu minn idejh, issa diffiċli li jerġa’ jsib it-tarf tiegħu… aktar u aktar kif jinħarġu skandli kbar bħal dawn li nħarġu din il-ġimgħa fil-gazzetta In-Nazzjon u la l-Prim Ministru ma jkunx kapaċi jwieġeb u wisq inqas min ikun moħbi warajhom bit-tama li l-istejjer jinqatlu!
//= $special ?>