Futbol Sport

Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena: Draw bejn Spanja u l-Italja

Fit-tieni ġurnata mill-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena Spanja u l-Italja temmew fi draw ta’ 0-0, bil-Ġermanja u l-Olanda ukoll jispiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Il-partita bejn Spanja u l-Italja kienet ikkaraterizzata minn diversi ammonizjonijiet b’xejn inqas minn tliet karit ħomor. Fis-86 minuta tkeċċa Gianluca Scamacca għal żewġ karti sofor, biex minuta wara waslu żewġ karti ħomor oħra, l-ewwel tkeċċa Oscar Minguez għal Spanja u Nicolo Rovella għall-Italja wara żewġ karti sofor.

L-Olanda fetħu l-iskor fit-48 minuta meta wara żball tal-gowlkiper Ġermaniż Finn Dahmen, kien JUSTIN KLUIVERT li approfitta u skorja f’lasta vojta. Madanakollu, l-Ġermanja irrispondew fl-84 minuta meta minn pass ta’ Jonathan Burkardt , kien LUKAS NMECHA li kkonkluda għal ġewwa għal skor finali ta’ 1-1.

F’partita oħra minn Grupp A ir-Rumanija għelbu lill-Ungerija bl-iskor ta’ 2-1, biex telgħu fit-tieni post tal-klassifika, bl-istess punti daqs il-Ġermanja. Hekk kif l-iskor kien għadu dak ta’ 0-0, l-Ungerija sfaw jilgħabu b’għaxar t’iplejers, meta fit-42 minuta tkeċċa l-plejer Adrian Szoke. Madanakollu, l-Ungeriżi marru fil-vantaġġ fis-56 minuta meta minn pass ta’ Laszlo Deutsch, kien ANDRAS CSONKA li kkonkluda ġewwa għal 1-0. Iżda r-Rumanija wettqu rimonta fl-aħħar għoxrin minuta, meta l-ewwel ġabu l-gowl tad-draw fis-70 minuta permezz ta’ ALEXANDRU MATAN, biex fis-87 minuta skorjaw il-gowl li tagħhom r-rebħa, meta minn corner ta’ Matan, kien ALEXANDRU PASCANU li kkonkluda għal ġewwa.

Minn Grupp B is-Slovenja temmew fi draw ta’ 1-1 mar-Repubblika Ċeka. Is-Slovenja marru fil-vantaġġ fit-32 minuta meta l-ewwel tentattiv ta’ Timi Elsnik kien salvat, biex ALJOSA MATKO tefa’ ġewwa mit-tieni tentattiv. Ir-Repubblika Ċeka kisbu l-gowl tad-draw fil-85 minuta, minn corner ta’ Dominik Janosek, NIK PRELEC tefa’ fil-lasta tiegħu stess għal 1-1.

Ilbieraħ: Grupp A: Ungerija v Rumanija 1-2, Ġermanja v Olanda 1-1 Grupp B: Slovenja v Republika Ċeka 1-1, Spanja v Italja 0-3 Illum: Grupp Ċ: Iżlanda v Danimarka 3.00pm, Russja v Franza 9.00pm, Grupp D: Kroazja v Żvizzera 6.00pm, Portugall v Ingilterra 9.00pm