Għawdex Lokali

Konfermati l-istejjer dwar il-job ta’ €15,000 li tat Justyne Caruana

Konferma, jekk qatt kien hemm bżonn, li persuna qrib ferm tal-Ministru tal-Edukazzjoni ingħata kuntratt ta’ €15,000 – kuntratt illi ħoloq rabja enormi fost l-għalliema, u anke fost dawk l-aktar qrib ta’ Justyne Caruana.

Dan il-job kien ħoloq rabja kbira fost l-edukaturi, b’mod partikolari fost dawk li jispeċjalizzaw fit-tagħlim tal-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport wara l-aħbar li ex-plejer internazzjonali tal-futbol, Daniel Bogdanovic, ingħata kuntratt ta’ €15,000 għal tliet xhur xogħol, mingħajr ma ħadd ma jaf kif l-ingaġġ se jwassal għal titjib tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel.

Dan l-ingaġġ, imfisser bhala oxxen, urta bil-kbir lil dawn l-edukaturi li ħafna minnhom għandhom kwalifiki speċifiċi fl-isport, l-edukazzjoni fiżika u qed ikomplu bl-istudji tagħhom, f’livelli ta’ Masters u Dottorat, kemm fl-Università ta’ Malta u oħrajn lil hinn minn xtutna.

Wara l-kritika tan-nies, jidher li issa l-kuntratt twaqqaf – xi ħaġa li kienet konfermata mill-Prim Ministru l-Ħadd filgħodu.

S’issa iżda, l-ebda reazzjoni minn Justyne Caruana.