Lokali

“L-għodda li permezz tagħha nistgħu nkomplu naħdmu u nwasslu l-messaġġ tagħna” – Bernard Grech

F’messaġġ waqt il-maratona ġbir ta’ fondi li għaddejja bħalissa fuq Net Television, Net FM u Facebook Live, wassal il-messaġġ tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Hu rringrazzja lil kul min qiegħed iċempel, lil kul min qed jiġi fid-Dar Ċentrali u lil kull min ikkontribwixxa permezz tad-Deputati u l-kandidati. “Grazzi għaliex dawn id-donazzjonijiet huma l-għodda li permezz tagħha nistgħu nkomplu naħdmu u nwasslu l-messaġġ tagħna.”

Is-somma li nġabbret issa qabżet it-80,000 Ewro fejn meta ta l-aġġornament taċ-ċifra Bernard Grech appella biex min jista’ jgħin biex din is-somma tkompli tikber biex il-PN jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu għal ġid ta’ pajjiżna.

Waqt din il-Maratona Ġbir ta’ Fondi bit-tema ‘Paġna Ġdida għal Pajjiżna’ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien intervistat flimkien mal-mara tiegħu AnneMarie, u t-tfal Neil u Maria. Fost ħafna suġġetti li tkellmu dwarhom, il-familja Grech ħarsu lura lejn mumenti sbieħ li kellhom flimkien bħala familja. Huma tkellmu wkoll dwar kif inbidlet ħajjithom f’dawn l-aħħar xhur fejn spjegaw x’qed jagħmlu biex iqattgħu ħin flimkien bħala familja.