Internazzjonali

L-Indoneżja: Midruba f’attakk suwiċida immirat għal Knisja tal-Kattoliċi

Splużjoni ta’ bomba barra knisja tal-Kattoliċi fil-belt ta’ Makassar ħalliet numru sostanzjali ta’ midruba – bl-awtoritajiet tas-sigurtà qed jitrattaw il-każ bħala attentat suwiċida.

Ir-rapporti qalu li l-isplużjoni, f’Ħadd il-Palm, seħħet meta żewġ persuni pruvaw jidħlu fil-knisja, iżda d-dettalji kienu għadhom xi ftit konfużi sal-ħin li morna għall-istampa.

L-isplużjoni seħħet quddiem il-bieb prinċipali tal-knisja u ftit wara l-attakk, il-pulizija konfermaw li ż-żewġ aggressuri – li kienu rekbin fuq mutur – spiċċaw jitilfu ħajjithom.

L-ebda grupp ma assuma responsabbiltà għall-attakk, meta din ma kenitx l-ewwel azzjoni ta’ vjolenza immirata għal Knisja tal-Kattoliċi fl-Indoneżja.

Il-Ministru Indoneżjan responsabbli mill-Affarijiet  Reliġjużi, Yaqut Cholil Qoumas, ikkundana l-attakk u ħeġġeġ biex il-pulizija jżidu s-sigurtà fis-siti tad-devozzjoni madwar il-pajjiż.

L-awtoritajiet Indoneżjani, fl-istess ħin, sostnew li l-attakk ma jistax ikun iġġustifikat ‘għan-nom ta’ kwalunkwe reliġjon’. Dan meta sar magħruf ukoll li fost il-midruba fl-attakk hemm xi uffiċjali tal-knisja li kienu waqqfu lill-aggressuri milli jidħlu fl-artijiet tal-katidral.