Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jirbaħ l-ewwel Grand Prix fil-Bahrain

(Ritratt: EPA)

Fl-ewwel Grand Prix tal-istaġun li saret fil-Bahrain, iċ-champion attwali Lewis Hamilton rnexxielu jikseb l-ewwel post, f’taqtiegħa eċitanti mar-rivali tiegħu tar-RedBull Max Verstappen, li spiċċa fit-tieni post.

Il-bidu tat-tellieqa kien ikkaraterizzat minn diversi inċidenti bil-karozza ta’ Sergio Perez tieqaf qabel l-ewwel dawra. Hekk kif bdiet it-tellieqa Nikita Mazepin ta’ Haas kellu jieqaf hekk kif tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu.

Is-sewwieq ta’ Mercedes Valteri Bottas spiċċa fit-tielet post segwit minn Lando Norris ta’ McLaren u Sergio Perez ta’ Redbull, fir-raba’ u l-ħames post. Is-sewwieq ta’ Ferrari Charles Leclerc spiċċa fis-sitt post, b’sieħbu ta’ Ferrari Carlos Sainz jispiċċa fit-tmien post. Bejniethom fis-seba’ post spiċċa Daniel Ricciardo ta’ McLaren.

Fid-disa’ posizzjoni spiċċa l-Ġappuniż Yuki Tsunoda fuq AlphaTauri, b’Lance Stroll jirnexxielu jidħol mal-postijiet tal-punti fl-għaxar post. Fil-ħdax-il post tem mil-veteran Kimi Raikkonen segwit minn Antonio Giovinazzi, Esteban Ocon u George Russell, li spiċċaw fit-tnax, it-tlettax u l-erbatax-il post rispettivament. L-eks champion Sebestian Vettel spiċċa fil-ħmistax-il post filwaqt li Mick Schumacher segwih fis-sittax-il post.

Pierre Gasly, Nicholas Latifi u Fernando Alonso spiċċaw fis-sbatax, fit-tmintax u fid-dsatax-il post rispettivament, fejn ma temmewx it-tellieqa. Fl-għoxrin post spiċċa Nikita Mazepin li kellu jirtira fil-bidu tat-tellieqa.