Internazzjonali

Myanmar: Ġenerali tal-Ġunta jiċċelebraw fost il-qtil tad-dimostranti

Il-Ġenerali tal-Armata li qed jissikkaw il-morsa tat-terrur fuq il-poplu organizzaw festa kbira biex jiċċelebraw il-Jum iddedikat lill-Qawwiet Armati. Dan fost l-għadab globali dwar il-qtil ta’ mill-anqas 90 dimostrant li kienu qed jipprotestaw dwar il-kolp ta’ stat fi Myanmar

Il-Ministri tad-Difiża minn 12-il pajjiż ikkundannaw lill-Ġunta ta’ Myanmar wara li l-inċidenti tas-Sibt ikkontribwew għall-aktar jum imdemmi f’dan il-pajjiż mindu seħħ il-kolp ta’ stat tax-xahar li għadda.

L-Istati Uniti akkużat lill-qawwiet tas-sigurtà ta’ Myanmar b’renju ta’ terrur meta fl-aħħar sigħat kienu qed isiru l-funerali tan-nies li tilfu ħajjithom waqt l-aħħar dimostrazzjonijiet kontra l-Ġunta. Ir-rapporti qalu wkoll li l-militar ta’ Myanmar ipprova jintervjeni bil-forza waqt uħud mill-funerali.

Sallum inqatlu ‘il fuq minn 400 persuna fost l-isforzi tal-awtoritajiet militari biex irażżnu l-protesti li ilhom għaddejjin fi Myanmar minn wara l-kolp ta’ stat tal-Ewwel ta’ Frar.

Il-Ġunta kienet ħatfet il-kontroll ta’ Myanmar wara li l-Partit tal-Lega Nazzjonali għal Demokrazija ta’ Aung San Suu Kyi ( il-mexxejja demokratika ta’ dan il-pajjiż) rebaħ l-elezzjoni nazzjonali bl-aktar mod enfatiku.