Lokali Qorti

Raġel akkużat bi traffikar ta’ droga u sekwestru ta’ persuna

Raġel mill-Ghana qed ikun akkużat bi traffikar ta’ droga u sekwestru ta’ tfajla.

Il-każ seħħ il-Ħamis li għadda meta l-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun irċevew informazzjoni li tfajla ta’ 16-il sena x’aktarx kienet qed tinżamm kontra l-volontà tagħha ġewwa residenza fil-Marsa.

Minnufih uffiċjali li kienu ronda fl-akwati marru fuq il-post indikat u daħlu fir-residenza, fejn fuq il-bejt tad-dar sabu tfajla li qalet li kienet qed tinżamm milli tħalli r-residenza minn raġel ta’ 22 sena mill-Ghana, li hi identifikat mal-Pulizija.

Ir-raġel indikat u 3 persuni oħra li nstabu fir-residenza ġew arrestati mill-Pulizija għal iżjed stħarriġ. It-tfajla li ma sofriet l-ebda ġrieħi, ittieħdet l-għassa wkoll biex tgħin f’aktar stħarriġ.

Minn tfittxija li saret fil-post, il-Pulizija sabet droga allegatament kannabis u droga sintetika, flimkien ma’ oġġetti relatati mat-traffikar tal-istess sustanzi. Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tmexxew mid-Distrett tal-Ħamrun bl-assistenza tas-Sezzjoni ta’ Kontra d-Droga.

Ilbieraħ waranofsinhar ir-raġel ta’ 22 sena tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq b’akkużi ta’ pussess u traffikar ta’ droga, li kkawża ġrieħi fuq żewġ Pulizija waqt li kien qed jiġi arrestat u li żamm persuna kontra l-volontà tagħha, fost akkużi oħra. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi u qed jinżamm taħt arrest.