Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma skużax ruħu għall-aħbarijiet xokkanti li qed joħorġu fir-rigward tal-eks Chief of Staff f’Kastilja u eks kollega tiegħu fil-Kabinett, Keith Schembri. Robert Abela saħaq li hu kburi b’dak li għamel il-Partit Laburista mill-2013 l’hawn, ħidma li fiċ-ċentru tagħha kien hemm propju Keith Schembri, li llum jinsab akkużat b’akkużi serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus u jinsab fil-ħabs ta’ Kordin.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi għal aktar minn darba dwar dak li qed joħroġ mill-Qorti, mhux biss dwar l-eks Chief of Staff imma anke allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Ministru u eks Ministru. Iżda minflokk ikkundanna, minflokk qal x’se jagħmel biex isir jaf min hu l-Ministru b’allegazzjonijiet serji fuqu, Abela infexx f’attakk wara l-ieħor fuq il-Partit Nazzjonalista.
Meta kellna l-konferma li Justyne Caruana tat kuntratt ta’ 5,000 Ewro fix-xahar lil ħabib tagħha, Abela ma qalx jekk hux se jieħu passi fil-konfront tal-Ministru. Meta kellna allegazzjonijiet serji fuq flus mhux iddikjarati li Rosianne Cutajar irċeviet m’għand Yorgen Fenech u meta hemm allegazzjoni serja dwar Ministru preżenti li kien involut f’reat li seħħ fil-passat, Robert Abela, minflokk ikkundanna, saħansittra ddikjara li hu kburi bil-Kabinett u l-Grupp Parlamentari tiegħu.
Intant, mistoqsi dwar il-pandemija, Robert Abela saħaq ma jridx li jibgħat messaġġ żbaljat. Dan mingħajr ma skuża ruħu għall-messaġġ żbaljat li bagħat qabel is-Sajf li għadda meta kien qal lin-nies biex imorru l-baħar u jgawdu l-baħar u meta qal li l-mewġ kien fil-baħar.
Robert Abela reġa’ kompla bir-retorika tiegħu dwar l-irkupru ekonomiku ta’ pajjiżna fejn saħaq li jemmen li se jkun aċċelerat u li se naħarbu niġru. Diskors li jikkunstrasta ferm ma dak li qal il-Ministru tal-Finanzi f’Jannar u fi Frar li kien saħaq li l-isfidi ekonomiċi ma jispiċċawx meta nlaqqmu lil kulħadd.
//= $special ?>