Internazzjonali

Tamiet ġodda li l-Ever Given ma jibqax jostakola r-rotta fil-Kanal ta’ Suez

L-MV Ever Given  — il-bastiment ġgantesk għall-ġarr ta’ kontejners – għadu nkaljat f’rotta prinċipali tal-Kanal ta’ Suez wara li fallew it-tentattivi ta’ tmiem il-ġimgħa biex jinqala minn hemmhekk. Madankollu qed jidher li sar il-progress fit-tentattivi biex ir-rotta tinfetaħ mill-ġdid, bl-uffiċjali ma jeskludux li l-bastiment ‘jitmexxa miz-zona fi kwistjoni ta’ sigħat’.

L-Ever Given ilu mit-Tlieta ‘imwaħħal’ fil-Kanal ta’ Suez li hu fost l-aktar zoni attivi għat-traffikar tal-kunsinni bil-baħar. Is-sitwazzjoni wasslet biex ‘il fuq minn 300 vapur jispiċċaw wieqfa fuq iż-żewġ naħat tar-rotta li spiċċaw inaċċessibbli minħabba l-vapur tat-tip mega container. Fil-fatt, numru ta’ vapuri kellhom idawwru r-rotta madwar l-Afrika minħabba ċ-ċirkustanzi.

Nhar is-Sibt, l-iskwadri għal dawn it-tipi tal-emerġenzi rnexxielhom jaqilgħu  mal-20,000 tunnellata ramel mill-qiegħ tal-baħar fejn inkalja l-Ever Given, b’numru ta’ tugboats iġebbdu l-bastiment bil-għan li jċaqalquh minfejn kien.

Minkejja l-kumplikazzjonijiet mill-irwiefen u l-kurrenti tal-baħar it-tugboats irnexxielhom iċaqalqu l-bastiment f’żewġ direzzjonijiet – bil-Ġeneral Osama Rabie, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Kanal ta’ Suez, jesprimi tama li ‘l-Ever Given (li kapaċi jġorr massimu ta’ 20,000 kontejner) dalwaqt ikun jista’ ‘jiżżerżaq ‘il hinn mill-inħawi partikulari’.