Lokali

Abela jtenni li hu “kburi bil-Moviment”

24 siegħa wara li ddikjara li hu kburi bil-Moviment Laburista u b’dak li sar mil-Labour mill-2013 ‘l hawn, minkejja dak li qed joħroġ fil-Qorti – bl-allegazzjonijiet ta’ Ministru attwali u eks Ministru nvoluti f’każi kriminali kbar – Robert Abela qed jibqa’ jagħżel li jiddefendi dak li seħħ fl-aħħar snin f’Kastilja, u jattakka b’mod partiġġjan lill-Partit Nazzjonalista.

Dan wara li, bid-dikjarazzjoni li għamel ilbieraħ – minkejja li l-Moviment kien immexxi minn Keith Schembri, li llum jinsab akkużat b’akkużi serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus – il-Prim Ministru u Mexxej Laburista jidher li ġibed lill-Kabinett kollu miegħu.

Fil-fatt, membri tal-Kabinett li huma qrib ħafna ta’ Abela rrepetew l-istess diska li ħambaq fuqha l-Prim Ministru lejliet, filwaqt li oħrajn dehru li nħasdu b’dak li qal Abela, iżda hu evidenti ġew sfurzati jiddefendu lil-Leader.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat, tfaċċaw dettalji ġodda dwar il-vaganza li l-Ministru Edward Zammit Lewis u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kienu għamlu f’lukanda Franċiża propjetà tal-Grupp li kien imexxi Yorgen Fenech. Dan hekk kif il-media indipendenti issa qed tirrapporta li din il-mawra swiet €10,000.

Iżda mistoqsi dwar din l-aħħar informazzjoni, Zammit Lewis qal li diġà rrisponda diversi drabi. Dan meta, fil-verità, fl-1 ta’ Diċembru li għadda, hu kien qalilna biss li ma kellux irċevuti ta’ dak iż-żmien.

Għaldaqstant, hekk kif għadu sal-lum mhux ċar kemm mill-€10,000 tħallsu minn Zammit Lewis, Muscat jew Yorgen Fenech, din is-sitwazzjoni tefgħet lil uħud mill-membri tal-Kabinett f’pożizzjoni skomda ħafna.

Fix-xhur li għaddew, diġà ħareġ fil-beraħ kif Yorgen Fenech ħallas vjaġġi lejn Las Vegas lil dak li kien il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA, li kellu jirriżenja minħabba dik l-informazzjoni li ħarġet.